Illejla fil-Parlament l-Oppożizzjoni Nazzjonalista reġgħet ivvutat kontra n-nomina tal-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi għal kariga ta’ Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.
Dan filwaqt li n-naħa tal-Gvern ivvutat favur din in-nomina.
Skont il-liġi, issa jonqos vot ieħor li jgħaddi b’maġġoranza sempliċi fuq in-nomina li ressaq il-Gvern bħala parti minn mekkaniżmu ta’ żblokk li daħħal il-Gvern, identitiku għal dak li kienet proponiet l-istess Oppożizzjoni ta’ Simon Busuttil, li issa ħarġet kontrih wara li kienet wegħditu fi programm elettorali.
Il-Gvern kien qal li dan il-mekkaniżmu ta’ żblokk, jiġifieri vot b’maġġoranza sempliċi mat-tielet darba, daħal riżultat ta’ attitudni kapriċjuża min-naħa tal-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, li l-ewwel esprima li hu favur in-nomina ta’ Azzopardi iżda mbagħad ġie mġiegħel imur lura minn kliemu mill-establishment li rabatlu idejh u l-futur tas-siġġu tiegħu.