Mill-inqas tmienja tilfu ħajjithom u disgħa oħra korrew f’theżżiża tal-art li kellha qawwa ta’ 5.3, u li laqtet distretti fl-Afganistan li jmissu mal-ftunitiera tal-lvant mal-Pakistan.
Dan it-terrimot seħħ inqas minn tliet xhur wara li l-aktar theżżiża tal-art li ħalliet nies mejta f’għoxrin sena laqtet lill-istess żona. Dak it-terrimot, li għamel fit-22 ta’ Ġunju, kellu qawwa ta’ 5.9 u qatel aktar minn elf ruħ filwaqt li eluf oħrajn indarbu. Ġie rrappurtat li ġġarrfu madwar 3,000 dar kawża ta’ dan it-terrimot, u bosta spiċċaw b’ta’ fuqhom senduqhom.
L-Afganistan jintlaqat spiss mit-terrimoti, speċjalment fiż-żona muntanjuża Hindu Kush, li tinsab qrib is-safef tettoniċi tal-Indja u tal-Ewrasja.
Għalkemm l-Afganistan jinsab il-bogħod, Malta – minkejja ċ-ċokon tagħha – toffri l-id tal-għajnuna f’ċirkustanzi umanitarji bħal dawn. Fil-fatt, wara t-terrimot ta’ Ġunju, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ bagħat mat-tletin elf ewro lejn dak il-pajjiż.
Dwar dan tkellimna mad-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Globali, l-Iżvilupp Internazzjonali, u Affarijiet Ekonomiċi tal-Ministeru, Neville Aquilina. Huwa spjega fejn qed tmur l-għajnuna finanzjarja li offriet Malta
Huwa qal, “Importanti ħafna f’dan ir-rigward li nassiguraw li jkun hemm aċċess għas-servizzi tas-saħħa u għas-servizzi tal-edukazzjoni. Aħna nafu li meta inti ma jkunx hemm dawn is-servizzi on the ground, ovvjament in-nies jitilqu minn dak il-pajjiż.”
Aquilina spjega wkoll kif din l-għajnuna se tkun qed tindirizza problemi bħal dawk tal-migrazzjoni biex b’hekk jittaffa l-piż li qed jintrefa minn pajjiżi oħrajn wara li persuni mill-Afganistan jemigraw barra mill-pajjiż.
Is-Sur Aquilina spjega wkoll kif Malta issa għandha leħen iktar b’saħħtu f’sitwazzjonijiet relatati ma’ sigurtà fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Maqgħuda.
Temm jgħid, “Ovvjament, kwistjonijiet bħas-sigurtà fl-Afganistan u pajjiżi oħra, se jkunu materji fejn aħna se nkunu nistgħu nkunu minn ta’ quddiem li nintervjenu u rridu nservu l-komunità internazzjonali.”