Tmien persuni nqatlu u għaxra oħra ndarbu fit-tieni sparatura f’jumejn fis-Serbja. Allegatament, l-aggressur qabad jispara lejn in-nies b’arma minn vettura miexja f’raħal fin-Nofsinhar ta’ Belgrad.
Qed jiġi rrapurtat li l-aggressur li għandu bejn wieħed u ieħor 20 sena beda jispara fuq in-nies wara li kellu argument ma’ uffiċjal tal-pulizija f’park.
L-aggressur għadu ma nstabx u bħalissa għaddejjin tfittxijiet intensivi mill-pulizija biex jinstab ir-raġel li wettaq dan il-massakru.
Aktar kmieni din il-ġimgħa tifel ta’ 14-il sena qatel tmien studenti u gwardjan waqt sparatura oħra fi skola fl-istess nħawi. Dan l-inċident wassal biex il-Gvern Serb jipproponi liġijiet aktar stretti għas-sidien tal-armi.