Sara Xuereb rebħet midalja oħra fi Vjenna meta spiċċat fit-tielet post fil-Masters tal-bowling li ntlgħabu fl-egħluq tal-Kampjonati Ewropej taż-żgħażagħ.
Wara li kkwalifat fl-14-il post min 65 plejer, fl-ewwel logħba għelbet lill-Ingliża Lucy Williams bl-iskor ta’ 2-0, u kompliet bl-istess riżultat kontra l-Finlandiża Peppi Konsteri. Fil-kwarti tal-finali, wara bidu xi ftit kwiet fejn tilfet l-ewwel logħba, Xuereb rebħet it-tieni u t-tielet logħba kontra l-iŻvediża Nora Johansson biż-żewġ loghbiet ikunu missielta sa l-aħħar!
Fis-semi finali, Sara lagħbet kontra it-tieni Żvediża, Hanna Engberg, fejn tilfet l-ewwel logħba iżda rebħet it-tieni logħba biex sfurzat decider. Dan kien deċiż fl-aħħar żewġ frames fejn Engberg spiċċat b’sensiela ta’ strikes biex għelbet lil Sara bl-iskor ta’ 224-194. Fil-final l-Ingliża Isabel Allen għelbet lil Engberg biex ħadet il-midalja tad-deheb. Sara se tirritorna Malta b’żewġ midalji fiż-żewġ kompetizzionijiet li setgħet tieħu sehem f’dawn il-kampjonati, biex b’hekk kompliet iżżid fuq is-suċċessi internazzjonali tagħha, inkluż fil-Kampjonati tal-Mediterran tal-bowling li ntlagħbu f’Marzu li għadda.