Mara mis-Serbja qed tinżamm arrestata wara li s-sieħeb Ingliż li kienet qed tgħix miegħu f’appartament f’San Pawl il-Baħar miet fgat.
Jirriżulta li fi Frar li għadda, fl-istess appartament miet fgat raġel ieħor li wkoll kien qed jgħix ma’ din il-mara. Tant li l-mara kienet fil-preżenza tiegħu meta dakinhar kienu ssejħu l-forzi tal-ordni fuq il-post.
F’din it-tieni mewt kien għall-ħabta tat-tmienja u nofs tal-bieraħ filgħaxija, li l-Pulizija kien infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha ġewwa residenza fi Triq il-Merluzz, f’San Pawl Il-Baħar.
Malli waslu fuq il-post il-pulizija, sabu katavru f’waħda mill-kmamar.
Mill-investigazzjonijiet kien stabbilit li r-raġel huwa ta’ nazzjonalita` Ingliża u għandu sebgħa u sebgħin sena.
Wara awtopsja li saret fuq il-katavru aktar kmieni matul il-jum, il-Pulizija qed titratta din l-investigazzjoni bħala waħda ta’ mewt suspettuża. Dan fid-dawl tal-mewt li diġa’ kien hem fi Frar li għadda.
Bil-każ ġie nfurmat il-Maġistrat tal-Għassa li ordna li ssir inkjesta u ħatar diversi esperti sabiex jassistuh.