Din il-ġimgħa pajjiżna kien it-tieni l-aktar fl-Ewropa li fih kienu qed isiru l-aktar testijiet għall-Covid-19.
Dan intqal f’rapport fil-gazzetta Kullħadd, li spjega kif b’hekk pajjiżna għandu fost l-ogħla rati ta’ ttestjar biex jinqabdu kemm jista’ jkun każijiet, bil-għan li dan il-virus ma jkompliex jinxtered.
Dan ikkonfermawh kemm l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa l-(WHO) u anke s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika l-Professur Charmaine Gauci. Huma qalu li l-ittestajar huwa l-aqwa miżura kontra t-tixrid tal-Coronavirus huwa l-ittestjar, inkluż dawk il-persuni li m’għandhomx sintomi, kif ukoll l-intraċċar tal-kuntatti sabiex jiġu identifikati dawk il-persuni li kellhom kuntatt ma’ persuni pożittivi.
Skont linji gwida tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, persuna minn kull elf għandha tkun ittestjata kull ġimgħa. Imma f’pajjiżna qiegħed isir dan fl-ewwel erba’ sigħat tal-ġimgħa.
Dan fid-dawl li l-Ħamis li għadda, f’pajjiżna ttieħdu rekord ta’ elfejn, erbgħa mija u ħamsa u tmenin test. Biex b’hekk jinqabżu s-sittax-il elftest fi żmien ġimgħa waħda. Dan ifisser żieda ta’ 40% fl-ammont ta’ testijiet.
Meta wieħed iqabbel dan l-ammont ma’ xhur differenti, isib li n-numru ta’ testijiet hi aktar mid-doppju ta’ testijiet li kienu qed jittieħdu fl-eqqel tal-ġandemija f’April li għadda.
Fl-aħħar jiem is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika saħqet li wieħed għandu dejjem jikkunsidra n-numru ta’ testijiet li qegħdin isiru.
Il-gazzetta KullĦadd irrappurtat li meta wieħed iqabbel l-ammont ta’ testijiet li saru l-Ħamis li għadda f’pajjiżna mal-għadd ta’ resident, isib li f’ġurnata ġew ittestjati aktar minn punt ħamsa fil-mija tal-popolazzjoni.
Din hi t-tieni l-ogħla rata fl-Unjoni Ewropea kollha kemm hi, wara l-Lussemburgu fejn ġew ittestjati wieħed fil-mija. Ta’ min jinnota, iżda, li fil-Lussemburgu r-rata mhix aġġustata għall-eluf kbar ta’ ħaddiema residenti fil-pajjiżi tal-madwar, bħal Franza u l-Ġermanja, li ta’ kuljum jaqsmu biex jaħdmu f’dan il-pajjiż u li jkollhom jieħdu t-test hemmhekk.
Fil-Kroazja ġew ittesjati żero punt tlieta persuni għal kull elf ċittadin ,jiġifieri, ħmistax-il darba inqas minn pajjiżna.