Fid-Dar Ċentrali tal-PN f’Tal-Pietà sebaħ jum ieħor ta’ inkwiet u intriċċi hekk kif it-tieni kandidata Nazzjonalista sfidat lill-Kap Bernard Grech u tefgħet in-nomina għall-by-election biex jimtela’ s-siġġu parlamentari li tbattal bil-mewt tad-deputat Robert Arrigo.
Ilbieraħ, il-kandidat u Sindku Nazzjonalista ta’ San Ġiljan, Albert Buttigieg, ġab fix-xejn ix-xewqa tal-Kap tal-partit tiegħu, Bernard Grech, li s-siġġu parlamentari battal jimtela b’co-option mill-Viċi Kap Alex Perici Calascione. Illum tefgħet in-nomina tagħa l-kandidata Emma Portelli-Bonnici.
Il-fatt li hemm kandidati li tefgħu n-nomina għall-by-election effettivament ifisser li sfaxxat il-possibbiltà li ssir co-option għal dan is-siġġu, kif xtaq Bernard Grech.
Din il-kwistjoni issa ilha jiem sħaħ toħloq tensjoni kbira f’Tal-Pietà. Għalkemm għamel pressjoni kbira biex il-kandidati Nazzjonalisti li ma ġewx eletti mill-10 distrett fl-aħħar elezzjoni ġenerali ma jitfgħux in-nomina tagħhom, meta ħareġ ċar li One News kien infurmat b’li kien qed jiġri, Bernard Grech ċaħad li dak hu l-każ.
Alex Perici Calascione kien l-uniku kandidat li ħareġ għall-elezzjoni ta’ Viċi Kap ftit ilu, u kellu jiġi aċċettat mill-fazzjonijiet differenti, anke jekk b’nofs qalb. Madankollu, quddiem il-kwistjoni tal-mili tas-siġġu fl-10 distrett, Buttigieg u ta’ madwaru mhux lesti jħallu li dan is-siġġu parlamentari jieħdu xi ħadd ieħor.
Aktar kmieni din is-sena, Albert Buttigieg kellu problemi mat-tmexxija Nazzjonalista, wara li lmenta pubblikament li l-partit kien warrbu għal kollox waqt il-kampanja elettorali. Buttigieg kien sostna li ras kbira fil-Partit Nazzjonalista kienet wiegħdet lil kuntrattur ewlieni b’interess kbir f’San Ġiljan, li kienu se jagħlqulu ħalqu għax kien qed jitkellem kontra ċerti proġetti fil-lokalita tiegħu ta’ San Ġiljan.
Intant, il-kandidat l-ieħor li seta’ jitfa’ n-nomina għall-by-election fl-10 distrett, Karl Gouder – li hu impjegat tal-PN – iddikjara li mhux se jitfa’ n-nomina għall-by-election. Fuq il-profil tiegħu tal-Facebook kiteb li, f’dan il-punt, iħoss li għandu jffoka fuq il-karriera tiegħu bħala Chief Operating Officer tal-midja tal-Partit.