Il-Prim Ministru Robert Abela flimkien mal-Mexxejja Ewropej għaddejjin b’aktar taħdidiet fit-tieni jum tas-Summit tal-Kunsill Ewropew.
Fi Brussell, il-Prim Ministru Malti u l-Mexxejja Ewropej mistennija jkomplu għaddejjin b’diskussjoni dwar l-immigrazzjoni li fl-ewwel jum bdiet tiġi diskussa mbagħad twaqqfet għal xi ħin biex filgħaxija sa tard bil-lejl, il-Mexxejja Ewropej għalqu d-diskussjoni fl-ewwel jum tal-laqgħa dwar relazzjonijiet strateġiċi maċ-Ċina.
Matul il-jum, il-Mexxejja Ewropej se jiddiskutu wkoll il-kwistjoni tal-ekonomija.
Intant fl-ewwel jum tas-Summit, f’kummenti mal-midja, il-Prim Ministru Robert Abela ddikjara li għall-problema tal-immigrazzjoni irregolari, is-soluzzjoni mhiex f’nofs ta’ baħar iżda fil-post tat-tluq.
Dr Abela nnota l-ittra mill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen li tamplifika dwar dak li Malta ilha titkellem dwaru jiġifieri meta nitħaddtu fuq il-Libja u t-Tuneżija ma nitkellmux biss fuq l-immigrazzjoni iżda anki fuq triq ħolistika li tibni relazzjoni ekonomika ma’ dawn il-pajjiżi biex in-nies t’hemmhekk jagħrfu l-potenzjal li jgħixu hemmhekk.