It-tieni edizzjoni tal-premju għall-arti se ssir fis-sittax ta’ April li ġej.
Din l-attività tippremja l-għarfien għal xogħol artistiku matul l-istaġun li għadda.
Waqt li tħabbru l-finalisti għal din is-serata, intqal kif din is-sena se jkun hemm kategorija ġdida li hija dik tal-innovazzjoni.
Dan filwaqt li b’kollox hemm disa’ kategoriji oħra li huma: l-aqwa intrapriża kreattiva, l-artista tas-sena, l-aqwa programm jew staġun artistiku, l-aqwa kisbiet internazzjonali, l-aqwa xogħol għal tfal u żgħażagħ, l-aqwa produzzjoni, l-artist żagħżugħ tas-sena, l-aqwa proġett fil-komunità u l-kategorija tal-għażla tal-pubbliku.
Barra minn hekk, din is-sena l-udjenzi se jkollhom sehem akbar fl-għażla tar-rebbieħa hekk kif se jkunu jistgħu jivvutaw anke għall-premju tal-unur għall-karriera artistika.
Is-serata finali ta’ din is-sena se tilqa’ fiha mistieden speċjali li huwa Marcin Patrzalek li jibbrilla fid-daqq tal-kitarra u li żgur se jinżel għasel ma’ dawk kollha preżenti.