Wara s-suċċess miksub is-sena li għaddiet, meta ġie mniedi għall-ewwel darba il-Kite & Wind Festival, il-Ministeru għal Għawdex flimkien mall-Kunsill Lokali tal-Għarb ser jerġa’ jorganizza dan il-festival.
B’differenza, din l-attività ser issir fl-inħawi pittoreski ta’ San Dimitri, fil-limiti tal-Għarb, u ser tinżamm bejn il-Ġimgħa 18 u l-Ħadd 20 ta’ Ottubru.
“Meta nedejna għadd ta’ festivals tematiċi madwar Għawdex kollu, kellna l-viżjoni li nippromwovu s-sbuħija naturali li toffri l-gżira tat-tlett għoljiet, u nikkumbattu l-isfida tal-istaġjonalità. Illum, ir-riżultati juru li qedin nilħqu r-riżultati mixtieqa”, qalet il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana.
Il-Ministru Caruana qalet li dan huwa festival uniku għall-gżejjer Maltin, fejn għal darb’oħra ser tkun esperjenza għad-dilettanti tat-tajra, tradizzjoni li kellha għeruq fondi f’ Għawdex, imma li biż-żmien u bil-progress tekonloġiku din id-drawwa ntilfet. Il-Ministru Caruana qalet li, għal din l-edizzjoni, ser jikkompetu bejniethom 20 delegazzjoni internazzjonali, li żgur ser joffru spettaklu kkulurit li ser ipaxxi l-għajn, bi sfond rurali mill-isbaħ offrut mill-inħawi ta’ San Dimitri fl-Għarb.
Is-Sindku tal-Għarb, David Apap Aguis, irringrazzja lill-Ministru għal Għawdex tal-appoġġ tagħha biex dan l-avveniment jerġa’ jsir. Hu qal li, bħala kunsill lokali, huma impenjati, b’sinerġija mall-Ministeru għal Għawdex, biex ikomplu jintroduċu inizjattivi ta’ interess partikolari u jassistu fil-promozzjoni ta’ Għawdex bħala destinazzjoni unika. Is-Sindku Apap Agius għamel stiedna lil kulħadd biex jattendi għal din iċ-ċelebrazzjoni ta’ arti, kultura, u kuluri.
Id-dħul huwa b’xejn; iktar informazzjoni dwar il-programm tista’ tinkiseb mis-sit; https://www.visitgozo.com/events/international-kite-wind-festival/.
Ritratti – MGOZ