Għat-tieni sena konsekuttiva f’Għawdex se jsir il-Festival Internazzjonali tal-Ikel fil-pjazza ewlenija tax-Xewkija bejn il-Ġimgħa 10 u s-Sibt 11 ta’ Awwissu, ħabbret il-Ministru Justyne Caruana waqt konferenza tal-aħbarijiet.
Il-Ministru qalet li wara s-suċċess li kiseb dan il-festival is-sena li għaddiet u attira madwar 6,000 ruħ, din is-sena l-Ministeru għal Għawdex ħaseb biex flimkien mal-organizzaturi jkabbar din l-attività. Semmiet li l-edizzjoni ta’ din is-sena se tkun mifruxa fuq jumejn u b’hekk se tingħata esperjenza kulinari aktar wiesgħa lil kull min jattendi għal dan il-festival fi tmiem il-ġimgħa ta’ qabel il-festa ta’
Il-Ministru qalet li kull min se jżur il-festival se jkollu l-opportunità jduq it-tjubija ta’ ikel preparat minn koki professjonali. L-ikel se jvarja minn Malti, Indjan, Amerikan, Olandiż, Taljan u Ġermaniż b’deżerti adattati għal dan iż-żmien tas-sena. Din iċ-ċelebrazzjoni kulinari ta’ kċejjen minn madwar id-dinja se titwasslilkom f’ambjent tipiku Għawdxi għall-kenn tal-Knisja tax-Xewkija, ħabbret il-Ministru Caruana.
Is-Sindku tax-Xewkija Paul Azzopardi rringrazzja lill-Ministeru għal Għawdex u lill-organizzaturi ta’ dan il-festival tal-ikel li għal darba oħra emmnu fil-lokalità tax-Xewkija biex jittella’ festival ta’ din id-dimensjoni. Is-Sur Azzopardi awgura li din l-edizzjoni tkun suċċess filwaqt li wessa’ l-istedina biex kulħadd jattendi.
Quinton Scerri, l-organizzatur tal-avveniment, qal li din is-sena l-parteċipanti qed jilqgħu l-isfida li jippruvaw iservu madwar 3,000 platt f’lejla waħda. Din se tkun sfida għall-koki parteċipi li jridu jassiguraw il-kwalità u t-tjubija fl-ikel filwaqt li jirnexxilhom iservu dawn il-platti f’ħin qasir.
Id-dħul għall-attività hu b’xejn. Dawk li jixtiequ jduqu jew jieklu wieħed mill-platti preparati jistgħu jixtru l-biljetti minn stands li se jkunu armati. Se jkun hemm ukoll varjazzjoni ta’ xorb u ta’ nbid bi prezzijiet raġonevoli.
Servizz ta’ shuttle service se jiġi offrut mill-Imġarr sax-Xewkija u lura.
Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur is-sit www.maltainternationalfoodfestival.com.