It-tieni edizzjoni tal-Malta Football Association Integrity Tour tibda nhar it-Tnejn, 5 ta’ Marzu, 2018.
Is-sessjonijiet ta’ informazzjoni huma mmexxija minn Franz Tabone, l-Integrity Officer tal-MFA, li ser ikun qiegħed iżur it-53 klabb affiljat mal-MFA fix-xhur li ġejjin. L-ewwel MFA Integrity Tour sar fl-2014.
Dawn il-programmi edukattivi huma meħtieġa biex jgħinu u jattrezzaw lill-plejers u l-uffiċjali b’għarfien dwar kif toqgħod ‘il bogħod mill-perikli li jdawru l-futbol, qal Tabone.
Żied jgħid li huwa fl-interess tal-klabbs li jattendu għal dawn is-sessjonijiet u jsiru jafu aħjar x’inhuma d-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom f’dan ix-xenarju.Il-plejers tal-ewwel tim, dawk ta’ taħt id-19 u 17-il sena, kif ukoll l-uffiċjali tal-klabbs, se jkunu qed jieħdu sehem f’dawn is-sessjonijiet obbligatorji.
Il-preżentazzjonijiet qosra se jiffukaw fuq il-Liġi Kriminali u r-regolamenti tal-MFA dwar il-korruzzjoni u l-imħatri illegali.
Il-klabbs tal-Premier League, Hibernians u Birkirkara, se jospitaw l-ewwel żewġ sessjonijiet ta’ informazzjoni dwar l-integrità nhar it-Tnejn li ġej.