L-Festival Nazzjonali tal-Baned ser jerġa’ jirritorna bit-tieni edizzjoni tiegħu. Dan il-festival huwa organizzat mill-Fondazzjoni Kottonera, flimkien mal-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda. Dan il-festival ser ikun qed jittella’ fuq erbat’ijiem, f’lokazzjonijiet differenti tal-Kottonera, bil-kunċerti kollha jibdew fis-7.30p.m. Ser ikun qed jara l-parteċipazzjoni ta’ dawn il-baned:
23.09.2022: Banda San Lawrenz – Birgu ser idoqq fix-Xgħajra ta’ Bormla
24.09.2022: Banda Nicolo’ Isouard – Mosta ser idoqq fi Pjazza Sagra Familja tal-Kalkara
30.09.2022: Banda L’Isle Adam – Rabat ser idoqq fil-Ponta tal-Isla
14.10.2022: Banda Beland – Żejtun ser idoqq f’Couvre Porte, il-Birgu
Flimkien ma’ dan il-festival ġiet imnedija għal darb’oħra sejħa għall-kompożituri Maltin, sabiex jissottomettu kompożizzjonijiet oriġinali għall-banda b’tema dwar il-Kottonera. Għas-sejħa ta’ din is-sena daħlu ‘l fuq minn 15-il kompożizzjoni li ġew sottomessi lill-ġurija internazzjonali għall-aġġudikazzjoni tagħha. Tliet (3) kompożizzjonijiet laħqu l-livell meħtieġ sabiex dawn ikunu jistgħu jindaqqu waqt il-Festival tal-Baned u aktar tard matul is-sena jiġu recorded b’mod professjonali, dawn huma:
Under Siege – Kompożizzjoni ta’ Tano Monsigneur. Din is-silta ser tkun qed tiġi esegwita mill-Banda San Lawrenz nhar il-Ġimgħa 23 ta’ Settembru 2022.
Magnum Portum – Kompożizzjoni tal-mużiċist żagħżugħ Luke Vella. Din is-silta ser tkun qed tiġi esegwita mill-Banda Nicolo’ Isouard nhar is-Sibt 24 ta’ Settembru 2022.
Harbour Blues – Kompożizzjoni ta’ Twanny Borg. Din is-silta ser tkun qed tiġi esegwita fl-għeluq tal-festival nhar il-Ġimgħa 14 t’ Ottubru 2022, mill-Banda Beland.
Ta min isemmi li s-silta Harbour Blues ġiet magħżula mil-Ġurija Internazzjonali sabiex fis-Sajf 2023 tkun esegwita ġewwa Firenze mill-Banda Filarmonica “G. Rossini” waqt il-festival Maggio Fiorentino u ġewwa Valenzja waqt Festival Internazzjonali. Din l-inizjattiva saret b’riżultat tal-Għaqda Nazzjonali Kazini tal-Banda b’sapport tal-Fondazzjoni Kottonera. Il-Fondazzjoni Kottonera flimkien mal-Għaqda Nazzjonali Kazini tal-Banda jifirħu u jawguraw lis-Sur Twanny Borg għal din il-kisba mużikali.