Il-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa, ħabbar li għat-tieni sena konsekuttiva se jorganizza l-attività “Regatta F’Birzebbuġa”, nhar is-Sibt 22 ta’ Settembru 2018, bejn it-3.00pm u l-6.00pm.
Waqt it-tnedija ta’ din l-attività, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis tkellem dwar l-importanza ta’ attivitajiet kulturali bħal dawn, li permezz tal-iskema Attivitajiet Kulturali, il-Kunsilli lokali jingħataw sussidju sabiex ikunu f’pożizzjoni aħjar jorganizzaw attivitajiet li jirriflettu u jagħtu opportunità lill-pubbliku għal togħma tal-kultura u t-tradizzjonijiet tal-lokal. Huwa faħħar l-inizjattiva tal-Kunsill Lokali ta Birżebbuġa li permezz ta’ din l-attività, qed jagħti importanza wkoll lill-aspett kulturali nazzjonali, mhux biss dak lokali.
Is-Sindku ta’ Birzebbuġa, Joseph Cutajar, qal li l-isport tar-regatta huwa għal qalb ħafna persuni, fosthom id-dilettanti u r-residenti ta’ Birżebbuġa. Huwa qal li din l-attività għandha sservi sabiex tagħti spazju ieħor lid-dilettanti biex mhux biss jipprattikaw dan l-isport, iżda wkoll jikkompetu bil-għan li jkomplu jimlew il-vetrini tat-trofej tagħhom rispettivament. Is-Sindku qal li din is-sena f’din ir-regatta se jipparteċipaw diversi klabbs lokali, u se jsiru sitt tiġrijiet, fosthom tiġrija tan-nisa, bit-tluq minn naħa tal-Malta Freeport, u t-tmiem in-naħa tal-Birzebbuga Aquatic and Sports Club. Is-Sindku rringrazzja lis-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet, lill-Awtorita tat-Turiżmu, kif ukoll lill-Għaqda Nazzjonali Regatta u qdif ieħor.