Se tittella’ t-tieni edizzjoni ta’ TISBIT – kunċert uniku bis-sehem ta’ drummers u perkussjonisti żgħażagħ.
Il-moħħ warajh u d-Direttur Artistiku, Michael Camilleri, li huwa wkoll il-Prinċipal Timpani tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, qal li din is-sena, perkussjonisti minn The Clef House se jikkollaboraw mal-Big Band Brothers Juniors u żewġ kantanti lokali.
Qal, “Ħa jkolli erbatax-il drummer fuq l-istage, li mkien qatt ma rajna dat-tip ta’ kunċert ġewwa Għawdex, fejn dawn l-14 żagħżugħ u żagħżugħa għax għandi n-nisa wkoll, ħa jkunu qed jikkollaboraw mal-big band brother juniors u flimkien mal-kantanti Megan Mae u Hannah Theuma.”
Il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri qal li dan il-kunċert se jagħti pjattaforma liż-żgħażagħ biex juru t-talent tagħhom waqt li jikkollaboraw ma’ artisti żgħażagħ oħrajn.
Qal, “Propju kunċert ieħor li ħa jkun parti mill-kullana ta’ attivitajiet li tellajna tul is-sajf kollu sabiex fl-aħħar mill-aħħar anke ġewwa x-xahar ta’ Awwissu nkomplu nagħtu spettaklu lil dawk kollha li se jkunu qed iżuru l-gżira Għawdxija. ”
Dan il-kunċert se jsir nhar l-Erbgħa, 24 t’Awwissu fil-Pjazza tal-Katidral, iċ-Ċittadella.
Il-kunċert li se jibda fit-tmienja ta’ filgħaxija huwa mingħajr ħlas u miftuħ għall-pubbliku.