Bejn it-30 ta’ Novembru u l-1 ta’ Diċembru li ġej, Heritage Malta se torganizza t-tieni edizzjoni ta’ ‘Milied fil-Forti’, fil-Forti Sant’Iermu u l-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra, fil-Belt Valletta.
Matul din l-attività se jkun hemm tiżjin tal-Milied, fosthom bid-dwal u briju festival, li tinkludi wkoll presepju tradizzjonali Malti.
Se jkun hemm għall-bejgħ ikel u xorb delizzjuż, li jkun jinkludi wkoll riċetti tradizzjoni ta’ żmien il-Milied, inbid servut sħun bil-ħwarar, imbuljuta u cocktails speċjali.
It-tfal jistgħu jieħdu sehem f’logħob u sessjonijiet interattivi, waqt li jiltaqgħu u jieħdu ritratti ma’ Santa Klaws innifsu, u jibagħtulu l-ittri tagħhom, biċ-ċans li jirbħu premijiet speċjali.
Se ssir purċissjoni bil-Bambin is-Sibt filgħaxija u quddiesa speċjali l-Ħadd filgħodu, li se jgħaqqdu flimkien kemm turisti, kif ukoll viżitaturi lokali fit-tifsira solenni tal-istaġun.
Tul dawn il-jumejn se jkun hemm diversi kantanti, korijiet u baned, inkluż kunċert grandjuż tal-Milied mill-Banda tal-Korp tal-Pulizija, il-Ħadd filgħaxija.
Dan l-avveniment se jittella’ taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono, b’appoġġ għall-fondazzjoni Malta Community Chest Fund.
Il-forti se jiftaħ mid-9am sal-11:30pm is-Sibt, u mid-9am sat-8pm il-Ħadd. Id-dħul huwa b’xejn, iżda donazzjonijiet biex jgħinu din il-kawża ġusta huma mħeġġa.