“It-tieni doża tal-vaċċin tal-AstraZeneca mhux qed ikollha l-effett stramb rari ta’ trombożi.”
Hekk stqarr uffiċjal mit-taqsima tal-mard infettiv, Dr Charles Mallia Azzopardi, li f’intervent waqt xandira politika l-Ħadd filgħodu serraħ moħħ dawk li għad iridu jieħdu t-tieni doża tal-vaċċin tal-AstraZeneca.
Qal, “Kulħadd li ħa l-ewwel doża tal-AstraZeneca m’għandux għalfejn jibża’ għax mill-evidenza s’issa li għandna juri li mat-tieni doża ma jkunx hemm dan it-tip ta’ ‘side-effect’ stramb.”
L-uffiċjali fit-taqsima għall-mard infettiv, Dr Mallia Azzopardi spjega kif il-vaċċin tal-Astrazeneca jistgħu joħduh ukoll dawk li fil-passat sofrew minn trombożi.
Saħaq anki dak li qal iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija tal-Mediċini, il-Professur Anthony Serracino Inglott, fejn il-każijiet ta’ trombożi huma rarissima ħafna.
Spjega, “Dan it-tip ta’ trombożi jissuċċedi wieħed minn kull 250,000 vaċċin tal-Astrazeneca, jiġifieri huwa rari ħafna imma importanti wkoll li nżommu f’rasna li dan it-tip ta’ trombożi huwa partikolari ħafna, jiġifieri dan mhux trombożi, trombożi pereżempju li jagħti fl-arterji tal-qalb li jikkawża l-attakki tal-qalb, mhuwiex hekk.”
Dr Charles Mallia Azzopardi spjega kif qed ikun imbassar li sal-aħħar ta’ dan ix-xahar ikunu mlaqqma 55% tal-popolazzjoni adulta b’min tal-inqas l-ewwel doża tal-vaċċin għall-Covid-19.
Din ir-rata qawwija ta’ tilqim ser tkun qed tgħin sabiex pajjiżna jibda t-triq ta’ rkupru malajr.
Fid-dawl ta’ dan, l-ekonomista b’esperjenza, Dr Philip Von Brockdorff spjega li f’dan l-istadju huwa importanti li pajjiżna jagħmel strateġija immirata lejn is-setturi l-aktar milquta mill-pandemija.
Qal, “L-importanti li ssir strateġija fuq bażi ta’ settur settur b’mod dettaljat pero imsejsa wkoll fuq erba’ prinċipji importanti, l-ekonomija ultra reżiljenti allura aktar produttiva, ekonomija bbażata aktar fuq il-qasam diġitali , iżda ekonomija wkoll li tuża inqas enerġija li tniġġes.”
Fil-fatt fl-istess xandira politika, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar kif bħalissa l-Gvern qed ifassal pjan li jwieżen lil dawk l-iktar milquta mill-pandemija.
Qal, “B’dak li għamilna bħala Gvern ser niżguraw li naslu sat-tarf tal-maratona u min jibqa jkollu bżonn l-għajnuna ser nibqgħu hemm warajh u ma nabbandunaw lil ħadd. Hekk nista’ ngħidlek, aħbar illum. Aħbar li bħalissa, flimkien ma’ numru ta’ ministri fil-kabinett immexxi minni, qed niddiskutu aktar għajnuna li tkun ‘targeted’ lis-setturi l-aktar milquta.”