Fis-sena akkademika li għaddiet, aktar minn 122 student u studenta segwew il-programm edukattiv GEM16+ li qiegħed jagħti t-tieni ċans lill-istudenti li ma jkunux kuntent bir-riżultati li kisbu fl-O-levels biex itejbu l-marka tagħhom.
Il-programm offrut mill-Ministeru għall-Edukazzjoni jiffoka fuq it-tagħlim tal-Malti, il-Matematika, l-Ingliż, il-Fiżika, il-Bijoloġija jew l-ECDL.
Fil-lezzjonijiet li jingħataw fiċ-Ċentru ta’ GEM16+ fil-Gżira, l-istudenti jimxu fuq programm kurrikulari f’oqsma li jinkludi wkoll l-edukazzjoni fiżika u l-PSCD.
Il-Kap tal-Programm, Innocent Aquilina spjega li studenti li diġà ġabu marka bejn wieħed sa ħamsa jistgħu ikunu eżentati milli jidħlu għal-lezzjonijiet f’dak is-suġġett filwaqt li huma liberi li jaħdmu sabiex itejbu l-marka.
Hu stqarr li “ L-istudenti kollha illi jiġu ġewwa GEM16+, fil-bidu tas-sena akkademika, ikollhom ukoll ‘screening test’ li m’għandux x’jaqsam, ma jingħatax marka fih. L-‘iscreening test’ iservi biex l-għalliem jieħu ritratt ta’ x’jaf jew ma jafx l-istudenti jew l-istudenti li jkollu quddiemu”.
Spjega kif il-klassijiet ma jkunux ta’ iktar minn 16-il studenti u studenta. B’hekk kull studenti jingħata l-attenzjoni u l-appoġġ individwali kemm mill-għalliema kif ukoll minn Learning Support Educators.
Qal li dan il-programm mhux miftuħ biss għall-istudenti li temmew il-5 sena tas-sekondarja.
“ikollna studenti illi kienu fuq il-bank tax-xogħol u iddeċidew illi itejbu il-marka tal-O-level tagħhom ħalli.. kif jgħiduha, imorru aħjar fil-karriera tagħhom. Kellna wkoll ommijiet illi ddeċidew illi meta jibagħtu lil uliedhom l-iskola, jiġu hawnhekk u jtejbu wkoll il- livell ta’ edukazzjoni tagħhom. Kellna studenti fuq l-20 sena, kellna fuq 30 sena u anke fuq 40 sena”.
Il-programm huwa rikonoxxut mill-MCAST u l-ITS fil-livelli tnejn u tlieta tal-Qafas tal-Kwalifiki.