It-tielet persuna li sfat maqtula fl-attakki ta’ Nottingham huwa Ian Coates, Il-purtinar tal-iskola u l- maniġer tas-sit fl-akkademja Huntingdon. Il-vittma nqatel b’daqqiet ta’ sikkina qabel ma nsteraqlu l-vann, għall-ħabta tal-5.30am, fi triq Magdala, viċin tal-iskola fejn hu kien jaħdem.
Fi stqarrija, l-iskola LEAD Academy Trust qalet li “Ian kien kollega maħbub ħafna u dejjem għamel l-almu tiegħu f’dak kollu li kien jagħmel”. L-iskola tat ukoll il-kondoljanzi lill-familjari ta’ Barnaby Webber u Grace O’Malley Kumar, żewġ studenti ta’ dsatax-il sena li mietu fl-attakki.
L-attakki, li fihom spiċċaw maqtula O’Malley Kumar u Webber permezz ta’ daqqiet ta’ sikkina, seħħew fis-sigħat bikrin tat-Tlieta filgħodu għal ħabta tal-4am.
L-uffiċjali sparaw bit-taser lil raġel ta’ 31 sena qabel ma ġie arrestat fuq suspett tal-qtil. Is-suspettat huwa oriġinarjament mill-Afrika tal-Punent iżda ilu jgħix ir-Renju Unit għal tul ta’ snin. Hu għandu wkoll storja ta’ kwistjonijiet ta’ saħħa mentali. Is-sorsi qalu li r-raġel ma kellux rekord kriminali.
Kitba: Nicole Sciberras Balbi