Malta ġibdet lejha linja tal-ajru li se tibda taħdem fil-qasam tal-avjazzjoni, b’faċilità tal-manutenzjoni u tat-tiswija tal-ajruplani.
Dan wara ftehim bejn EasyJet u SR Technics, fejn tal-ewwel kisbet il-faċilità minn SR Technics u se żżomm il-ħaddiema eżistenti b’aktar investiment fil-faċilità f’Ħal Luqa.
Preżenti għal dan l-iffirmar kien hemm il-Prim Ministru Robert Abela, li sostna li l-Gvern qiegħed hemm biex jappoġġja din l-industrija importanti li timpjega mal-1,500 professjonist, fosthom fil-qasam tal-iniġinerija.
Qal li dawn il-ħaddiema Maltin b’karrieri ta’ kwalità u dħul b’saħħtu għall-familji tagħhom jagħtu wkoll valur miżjud ta’ madwar €50 miljun fl-ekonomija Maltija
Il-Prim Ministru nnota t-tmexxija Maltija f’dawn il-faċilitajiet state-of-the-art li juru s-saħħa tas-settur tal-avjazzjoni f’pajjiżna bl-appoġġ ta’ bosta entitajiet bħal Malta Enterprise, Indis u Transport Malta.
Fisser dan il-ftehim bħala pass importanti fil-futur fil-qasam tal-avjazzjoni u rringrazzja lil SR Technics tal-preżenza tagħhom f’pajjiżna fejn ħarrġu bosta ħaddiema Maltin.
Fil-hangar fuq medda ta’ 40,000 metru kwadru u investiment ta’ aktar minn €42 miljun, il-Prim Ministru Robert Abela nnota kif tliet kumpaniji tal-ajru ewlenin fl-Ewropa llum għandhom faċilità tal-manutenzjoni u tat-tiswija tal-ajruplani f’pajjiżna. Qal li dawn flimkien ma’ kumpaniji oħra importanti jikkontribwixxu f’eko-sistema b’saħħitha fis-settur tal-avjazzjoni.
Il-Kap tal-Operat tal-EasyJet David Morgan qal li sodisfatt b’dan il-pass importanti minn EasyJet f’Malta. Spjega kif dan ifisser li l-linja tal-ajru se tkun qed timpjega aktar minn erba’ mitt persuna f’Malta.
Morgan saħaq kif EasyJet ilha bl-operat tagħha f’pajjiżna għal dawn l-aħħar ħmistax-il sena u qed tħares ’il quddiem li jissaħħaħ il-preżenza tagħha mhux biss bl-operat ta’ manutenzjoni u tiswija tal-ajruplani iżda sservi lill-klijenti f’Malta b’konnettività mal-bqija tal-Ewropa.
Il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri qal li bil-ftehim, il-Gvern qed ikomplu jsaħħaħ l-industrija tal-avjazzjoni f’pajjiżna, settur li qed jiġbed lejn numru ta’ ħaddiema Maltin. Dan qed isir anke permezz tal-kollaborazzjoni bejn Malta Enterprise u MCAST u l-programm ‘Choosing Aviation’.