Sal-aħħar ta’ din il-ġimgħa mistennija tinfetaħ it-tielet flyover tal-proġett tal-junction tal-Marsa u se jitneħħew it-traffic lights ta’ ħdejn iċ-ċimiterju tal-Addolorata.
Jekk it-temp jippermetti u jsiru l-aħħar xogħlijiet meħtieġa, it-tielet flyover se tinfetaħ xahar qabel iż-żmien, hekk kif Infrastruttura Malta kellha pjanat li t-tielet flyover tinfetaħ f’Jannar li ġej.
Ħabbar dan il-Ministru għall-infrastruttura u t-trasport Ian Borg, li spjega kif bil-ftuħ tat-tielet flyover se jitneħħew darba għal dejjem it-traffic lights minn ħdejn iċ-ċimiterju tal-Addolorata.
Dan se jwassal sabiex ikompli jonqos il-ħin tal-ivvjaġġar għal aktar minn 100,000 persuna li ta’ kuljum jivvjaġġaw minn din iż-żona li hija l-aktar traffikuża fin-naħa t’isfel tal-pajjiż.
Il-ġimgħa li għaddiet, Infrastruttura Malta bdiet tiksi ż-żewġ karreġġjati li jgħaddu minn fuqha bl-asfalt, sabiex jekk it-temp jippermeti u jsiru l-aħħar xogħlijiet tinfetaħ it-tielet flyover li se toħloq konnessjoni diretta bejn Triq Aldo Moro u Vjal Santa Luċija.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastruttura Malta Fredrick Azzopardi qal li wara li f’Settembru nfetħu l-ewwel żewġ strutturi ta’ flyovers f’dan il-proġett, ix-xogħol kompla għaddej bla heda. Sabiex f’Ġunju li ġej jinfetħu erba’ flyovers oħra u jitlesta l-proġett tal-Junction tal-Marsa magħmul b’seba’ flyovers.
Is-Sur Azzopardi sostna: “Bil-ftuħ tal-flyovers se neħħu t-traffic lights. Il-pass li jmiss se jkun li nlestu x-xogħol fuq il-kumplament tal-flyovers l-oħra. Mhux se nkunu nistgħu niftħu flyover għalissa, imma rridu niftħu il-kumplament tal-flyovers kollha f’daqqa, li se jkunu lesti sa nofs is-sena dieħla.”
Il-Ministru Ian Borg tkellem dwar l-importanza ta’ dan il-proġett, b’investiment ta’ €70 miljun.
Qal li dan il-proġett ambizzjuż se jnaqqas il-ħin ta’ stennija f’din iż-żona tal-pajjiż u prinċipali lejn in-naħa t’isfel ta’ Malta, sabiex tonqos il-konġestjoni fil-Marsa u lokalitajiet oħrajn fil-madwar.
Il-Ministru Ian Borg spjega: “Proġett importanti. Se tgħin fil-kwalità tal-arja, kienu jagħmlu ħin jistennew u issa se nneħħu din il-bottleneck f’din iż-żona tal-pajjiż.”
F’Settembru li għadda nfetħu l-ewwel żewġ flyovers fil-Marsa li permezz tagħhom, eluf ta’ sewwieqa ffrankaw mhux biss eluf ta’ sigħat fit-traffiku iżda mijiet ta’ ewro fi fjuwil.