Malta tinsab fit-tielet post fil-qasam tax-xogħol b’rabta mal-Indiċi Ewropew ibbażat fuq riċerka tal-Istitut Ewropew dwar l-Ugwaljanza tal-Ġeneru fis-27 pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea
Dan ħareġ minn rapport tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza, l-NCPE, wara li sar magħruf li pajjiżna rreġistra titjib sinifikanti fĦdan ir-rigward. L-NCPE fisser li, bħalissa, Malta għandha punteġġ ta’ 81 punt fejn jidħol ix-xogħol.
Din ir-riċerka kejlet il-progress madwar l-Unjoni Ewropea f’sitt oqsma ewlenin – ix-xogħol, il-flus, l-għarfien, il-ħin, il-poter u s-saħħa.
Fil-fatt, b’rabta max-xogħol, dan jirrappreżenta żieda impressjonanti mit-23 post fl-2010, b’żieda ta’ kważi 16-il punt, bi prestazzjoni li tispikka fir-rigward tas-segregazzjoni u l-kwalità tax-xogħol bejn in-nisa u l-irġiel.
Sadanittant intqal kif Malta avvanzat għat-13-il post fl-Indiċi Ewropew, b’punteġġ totali ta’ ftit iżjed minn 70 minn 100.
Ġie spjegat li d-differenza bejn il-ġeneri f’diversi attivitajiet fix-xogħol tad-dar naqset b’mod sinifikanti u, sal-2022, 78% tan-nisa u 63% tal-irġiel irrapportaw li jagħmlu x-xogħol tad-dar u t-tisjir kuljum.
Fir-rigward tad-dħul u l-pagi, Malta qed tkompli tagħmel progress u kisbet punteġġ ta’ kważi 85 punt, li hu żieda ta’ 1.5 punti mill-Indiċi preċedenti, wara titjib fir-riżorsi finanzjarji u s-sitwazzjoni ekonomika.
F’Malta, mill-2010, ġiet irreġistrata żieda straordinarja ta’ 30.3 punti fil-qasam tal-poter, biex issa tinsab fis-17-il post fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea b’punteġġ ta’ 51.2.
Fl-isfera tas-saħħa, Malta ġabet kważi 88 punt, l-ogħla fost is-setturi kollha.