Serje popolari ta’ Netflix, ‘Enola Holmes’, għażlet lil Malta bħala waħda mill-postijiet għall-ġbid tal-film li jmiss. Il-ġbid se jsir f’diversi postijiet madwar il-gżejjer, inkluż il-Belt Valletta, li hi perfetta għall-ambjent storiku fl-era Vittorjana tas-serje, li tara oħt Sherlock Holmes tindaga fuq reati misterjużi.
Minbarra hekk, iżda, Malta se tkun qed tissemma speċifikament f’dan it-tielet film mis-serje bħala l-post fejn Enola Holmes tispiċċa wara li taħrab mill-Ingilterra fejn ukoll diġà beda l-ġbid.
Il-film għandu direzzjoni ta’ Philip Barantini u script tal-kollaboratur tiegħu Jack Thorne, li riċentament kisru r-rekords kollha ta’ Netflix permezz ta’ ‘Adolescence’.
L-istejjer ta’ ‘Enola Holmes’ huma bbażati fuq is-serje ta’ kotba ‘The Enola Holmes Mysteries’ ta’ Nancy Springer.
B’atturi internazzjonali bħal Millie Bobby Brown u Henry Cavill, din il-produzzjoni, li diġà qed tikseb attenzjoni partikolari internazzjonali, se tkun qed toħloq impjiegi u opportunitajiet għal dawk li jaħdmu fil-qasam tal-films f’Malta.
Atturi oħrajn rinomati huma Louis Partridge, Helena Boham-Carter, Himesh Patel and Sharon Duncan-Brewster.
Il-Ministru għat-Turiżmu Ian Borg ikkummenta għall-aħbar u qal li din hi sinjal ċar li Malta qed issir destinazzjoni ewlenija għall-produzzjonijiet globali.