Bejn il-5 u 9 ta’ Ottubru tas-sena d-dieħla pajjiżna se jospita t-tielet edizzjoni tal-‘Malta Maritime Summit’li jsir kull sentejn f’Malta.
Is-summit li se jittella’ bl-appoġġ ta’ Transport Malta se jkollu t-tema ‘Voice of the Industry’ hekk kif dan is-summit joħloq pjattaforma ta’ diskussjoni dwar sfidi internazzjonali fis-settur.
L-organizzatur tal-‘Malta Maritime Summit’, John Gauci-Maistre, saħaq li t-tħejjijiet għal dan is-summit huma kbar għax jiġbed lejn pajjiżna bosta operaturi ewlenin mill-industrija marittima.
Filfatt fl-aħħar edizzjoni tas-summit ħadu sehem mat-300 delegat minn 21 pajjiż.
Stqarr li din hija opportunità tajba biex id-delegati jiddiskutu sfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom fis-settur.
“Hemm suġġetti li qed imissu lil kulħadd ‘in every respect’, mhux.. iżjed ma naslu viċin u għalhekk hija kull sentejn, biex inkomplu fuq li nkunu bdejna d-darba l-oħra u nkomplu u nimmiljoraw u naslu għall-konklużjonijiet nisperaw ġodda biex dejjem nirranġaw is-settur internazzjonali,” qal Gauci-Maistre.
Il-Ministru għat-Trasport Ian Borg semma li r-reġistru Malti tal-vapuri huwa wieħed mill-aktar rispettati tant li huwa l-akbar reġistru marittimu fl-Ewropa.
Qal li dan is-settur joħloq 23,000 impjieg f’pajjiżna u jikkontribwixxi għal 12% tal-prodott domestiku gross tal-ekonomija Maltija.
“Il-gvern jagħti l-għajnuna kollha lil dawk kollha li għandhom għal qalbhom dan is-settur u jikkontribwixxu lejh. U allura s-summit sabiex inġibu l-plejers mondjali, internazzjonali, jiltaqgħu f’pajjiżna jiddiskutu u anke nagħmlu proposti ta’ deċiżjoni l-quddiem,” sa]aq il-Ministru Borg.
Huwa żied jgħid li l-investiment li din l-industrija tiġbed lejn pajjiżna jagħti lok għall-ħolqin ta’ bosta servizzi anċillari.