Ilbieraħ, is-Segretarju Parlementari Chris Agius nieda t-tielet edizzjoni tal-Malta Architect Awards. Waqt id-diskors tiegħu Agius saħaq fuq l-importanza ta’ dawn l-awards fejn irrimarka li din iċ-ċerimonja hija ċelebrazzjoni ta’ kisbiet, bl-għan ewlieni li tagħti rikonoxximent lill-periti lokali li qed ifasslu l-futur ta’ pajjiżna bi proġetti ta’ disinn ta’ kwalità għolja. Huwa kellu kliem ta’ tifħir u awgura lill-parteċipanti kull suċċess.
Dawn l-awards qed jiġu organizzati minn iMNG Ltd, bl-appoġġ tal-Awtorità tal-Ippjanar. Din is-sena kien hemm disa’ kategoriji differenti. Il-kompetizzjoni attirat total ta’ 68 proġett sottomessi minn periti u disinjaturi interni li ġejjin minn entitajiet tal-gvern, korporazzjonijiet parastatali, entitajiet privati, sħubijiet ta’ periti u periti individwali, u disinjaturi interni. Din is-sena kien hemm żieda ta’ 24-il sottomissjoni fuq l-44 tas-sena li għaddiet. Bħalma kien il-każ fis-snin ta’ qabel, l-aktar kategorija popolari kienet il-kategorija tad-Disinn tal-Intern għall-Bini Kummerċjali, fejn kien hemm 15-il sottomissjoni.
Agius qal li, “Illum rajna li pajjiżna għandu professjonisti li għandhom talent kbir. Huwa r-rwol tagħna li nimbutttaw biex dan it-talent jiġi rikonoxxut u din l-attività tgħina nagħmlu dan. Dawn huma l-professjonisti li qed jgħinu biex pajjiżna jista’ jkollu binjiet tal-ogħla kwalità, b’disinni innovattivi. Nifraħilhom u nawguralhom l-aħjar għall-futur tagħhom.”
Ritratt: MTIP_PS