Tħabbret it-tielet edizzjoni tal-Istħarriġ u Konferenza Nazzjonali dwar ‘L-Istat tan-Nazzjon’. Din il-Konferenza se ssir il-Ġimgħa, it-2 ta’ Ġunju,fil-Palazz Verdala.
It-temi magħżulin għall-Konferenza ta’ din is-sena kollha jmissu liċ-ċittadin b’mod dirett fil-ħajja ta’ kuljum. Dawn jinkludu l-familja, il-midja u l-isfidi ġodda li qed iġibu fis-soċjetà, it-tradizzjonijiet kulturali u reliġjużi, id-drittijiet, u l-ugwaljanza.
Fit-tnedija, l-istatistiku u lettur fl-Università ta’ Malta, Dr Vincent Marmarà, spjega li l-informazzjoni diġà bdiet tinġabar minn fost kampjun ta’ 1,064 persuna minn 16-il sena ’l fuq.
Dr Marmara qal li l-interess prinċipali mhux li jsiru magħrufa l-opinjonijiet fuq xi ħaġa partikolari jew avvenimenti differenti, iżda li wieħed iħares aktar fil-fond lejn dak li jista’ jwassal għall-formazzjoni tal-prinċipju u l-opinjoni tal-poplu.
Min-naħa tiegħu, il-Konsulent fil-Komunikazzjoni Strateġika, Lou Bondì, innota li din il-konferenza saret punt ta’ referenza fid-dibattitu nazzjonali dwar min aħna bħala Maltin u Għawdxin.
Qal li, għal darb’oħra, il-kelliema se jkunu ġejjin minn oqsma differenti: akkademiċi, politiċi, imprendituri, membri ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi, u oħrajn.
Il-President ta’ Malta, George Vella, qal li permezz ta’ din il-Konferenza, għal darb’oħra se jingħata kull spazju biex l-individwu jgħidha kif iħossha, bla tidwir ta’ kliem, fuq temi li kultant jafu jkunu wkoll xi ftit skomdi.
Huwa rrimarka li jkun interessanti ferm jekk issa jiġi analizzat jekk, fir-riżultati tal-istħarrriġ, hux se jkun hemm xi ċaqliq u f’liema direzzjoni, anke minħabba d-dinamiżmu kontinwu f’pajjiżna.
“Mill-ewwel rajt il-potenzjal li għandna, l-importanza li wieħed jagħmel eżami xjentifiku ta’ min aħna. Issa li għandna t-tielet konferenza, mhux biss naraw il-fatti imma, bejn wieħed u ieħor, naraw ċerti trends u direzzjonijiet li, fuq 3 snin, jistgħu jagħtuk direzzjoni ta’ fejn sejrin l-affarjiet.”