PLAYCON, l-avveniment ewlieni f’Malta għal-logħob diġitali, l-iżvilupp tal-logħob, u ESports se jerġa’ jirritorna, bit-tielet edizzjoni il-Ħamis, 30 ta’ Novembru u l-Ħadd, 3 ta’ Diċembru, fl-MFCC Ta’ Qali.
Mifrux fuq 7000 metru kwadru ta’ spazju interattiv u edukattiv, PLAYCON għandu l-għan li jservi ta’ vetrina għall-aqwa li Malta għandha x’toffri f’dawn is-setturi dinamiċi.
Dawn is-setturi qedgħin jikbru b’rata mgħaġla madwar id-dinja u mhux b’inqas f’Malta għalhekk PLAYCON ser tkun qed toffri aktar informazzjoni, edukazzjoni u fuq kollox viżibilita’ tal-firxa ta’ opportunitajiet u karrieri fl-ekonomija diġitali.
Madwar 50 kumpanija lokali u internazzjonali fis-settur tal-iżvilupp tal-logħob tal-kompjuter f’Malta se jkunu qed jipparteċipaw. Fost dawn insibu uħud fost l-akbar ażjendi fid-dinja bħal Ubisoft, Keywords Studios, Exient, u ESL.
Dawk li jattendu se jkollhom iċ-ċans uniku li jipparteċipaw f’għadd ta’ workshops interessanti, jilgħabu uħud mill-aktar logħob popolari, jikkompetu f’tournaments u jipparteċipaw fi sfidi varji.
Ser tkun qed tittella ukoll konferenza tal-Esports u l-Iżvilupp tal-Logħob bejn il-Ħamis, 30 ta’ Novembru u l-Ġimgħa, 1 ta’ Diċembru, fejn uħud fost l-akbar kumpaniji li insibu f’pajjżina, persuni mitħla ta’ dawn l-oqsma u delegati barranin ser jingħaqdu flimkien sabiex jiddiskutu l-iżvilupp tal-industrija f’pajjiżna u l-futur tagħha. B’aktar minn 40 kelliem, il-konferenza ser tipprovdi pjattaforma ta’ netwerking għal dawk li huma ħerqana li jesploraw opportunitajiet f’dawn is-setturi.
Din is-sena PLAYCON qed tissieħeb ukoll mal-Global Top Round, sabiex toffri opportunita’ lil StartUps iffiċċu investituri jew imsieħba sabiex ikabbru l-proġett tagħhom. L-għan ta’ din il-kumpanija internazzjonali hu li jsib studios żgħar minn madwar id-dinja u joffrilhom l-opportunita’ ta’ investiment u żvilupp. Mill-2015, Global Top Round appoġġja aktar minn 60 + studios tal-logħob madwar id-dinja permezz tal-programm GTR Accelerator, li ta’ kull sena jipproduċi kważi 10 logħobiet ġodda. Din il-kollaborazzjoni għandha tagħti pjattaforma t-tajba għal startups biex ipoġġu l-ideat tagħhom u jkollhom iċ-ċans li jeċċelleraw ‘il quddiem.
Il-Ħamis u l-Ġimgħa filgħodu aktar minn 5000 student tal-primarja u sekondarja mistennija li jattendu PLAYCON matul il-ġurnata. Dawn l-istudenti se jkollhom l-opportunità li jipparteċipaw f’workshops interattivi, jinvolvu ruħhom f’diversi attivitajiet li jkopru aspetti edukattivi tas-settur tal-esports, jitgħalmu dwar l-aspett kompettiv, jesploraw l-opportunitajiet ta’ xogħol, u jitgħalmu iktar dwar teknoloġiji emerġenti. Is-sessjonijiet se jindirizzaw ukoll l-importanza li jinżamm bilanċ bejn il-logħob rikreattiv u l-kompetizzjoni professjonali.
Il-festival se jinkludi kompetizzjonijiet ta’ esports f’logħob popolari bħal Tekken 7, Rocket League, League of Legends, CounterStrike 2, EAFC 24, Super Smash Bros, Pokémon VGC, u oħrajn.
It-tielet edizzjoni ta’ PLAYCON mill-Ħamis, 30 ta’ Novembru sal-Ħadd, 3 ta’ Diċembru, fl-MFCC, Ta’ Qali. Dħul b’xejn.
PLAYCON hija organizzata minn GMR bil-kollaborazzjoni ta’ Gaming Malta u l-Ministeru għall-Ekonomija, Fondi Ewropej, u l-Artijiet,