L-aġenzija internazzjonali, Moody’s, tat rating ta’ A2 lil pajjiżna, waqt li sostniet li r-rating għandu outlook stabbli – biex b’hekk dan huwa t-tielet rating pożittiv fi tmint ijiem.
Dawn fost l-oħrajn, jinkludu, ċertifikat ekonomiku pożittiv mill-Kummissjoni Ewropea, u rating pożittiv mill-Fond Monetarju Internazzjonali.
L-esperti tal-Moody’s sostnew li r-rating ta’ pajjiżna huwa dovut għal ekonomija b’saħħitha ta’ pajjiżna, li qed jistennew li se tkompli sejra b’dan ir-ritmu – u li hija xhieda ta’ tkabbir ferm akbar minn dak ta’ pajjiżi oħrajn.
Dan filwaqt li nnutaw is-saħħa fiskali ta’ pajjiżna, u d-dejn pubbliku nazzjonali, jinsab f’livell moderat.
L-esperti sostnew ukoll li minkejja l-isfidi kollha, il-kwalità tat-tmexxija tal-istituzzjonijiet f’pajjiża hija tajba, fejn intqal li “policy effectiveness is high.”
Ir-rating pożittiv minn Moody’s, jikkuntrasta ma’ numru ta’ pajjiżi Ewropej, fosthom Franza, l-Belġju u l-Islovakkja, kif ukoll l-Istati Uniti u l-Amerika – li għandhom outlook negattiv fuq ir-rating tagħhom.
Minkejja l-attakki kontinwi mill-Oppożizzjoni, l-esperti internazzjonali saħqu li s-saħħa ekonomika ta’ pajjiżna, hija kkumplimentata minn ekonomija relattivament diversifikata u li qed tikber b’rata mgħaġġla.
Irrimarkaw ukoll li l-ġid nazzjonali żdied bi kwart minn dak li kien qabel il-pandemija – b’dan huwa l-aqwa riżultat fiż-żona ewro.
Żiedu jinnotaw kif pajjiżna se jikber bi kważi d-doppju ta’ dak li se jikbru pajjiżi fl-istess livell ta’ żvilupp tagħna.
Ir-rapport tal-Moody’s jgħid kif il-finanzi pubbliċi ta’ pajjiżna, jibqgħu waħda mill-aktar materji essenzjali, tant li l-esperti nternazzjonali bassru li minkejja l-isfidi kollha fit-tlett snin li jmiss il-finanzi pubbliċi se jmorru għall-aħjar, tant li l-piż tad-dejn nazzjonali mistenni jkun madwar 50% tal-piż nazzjonali.
B’rabta ma’ dan ir-riżultat pożittiv, il-Prim Ministru Robert Abela, nnota kif dan huwa t-tielet ċertifikat pożittiv għal pajjiżna f’temp ta’ tmint ijiem, filwaqt li qal kif minkejja diversi sfidi internazzjonali, pajjiżna kompla jikber b’saħħtu.
Dr. Abela, temm jinnota kif fil-perjodu bejn l-2019 u l-2028, pajjiżna se jkompli jikber b’rata li hija darbtejn akbar minn ta’ pajjiżi oħrajn.