Il-laqgħa għolja tal-mexxejja tal-MED 9, li se ssir pajjiżna nhar il-Ġimgħa li ġej, se tittratta temi komuni u ta’ interess għar-reġjun tal-Mediterran. Fost dawn hemm l-isfidi tat-tibdil fil-klima u l-migrazzjoni, fost oħrajn.
Dwar dawn l-istess temi li l-mexxejja tad-disa’ pajjiżi fl-Unjoni Ewropea li jmissu mal-Mediterran, ONE News tkellem mal-Kap tas-Segretarjat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Glenn Micallef.
“It-tema prinċipali li se nkunu qed niddiskutu hi r-relazzjoni mal-imsieħba strateġiċi tal-Unjoni Ewropea fin-naħa ta’ fuq tal-Afrika. Jiġifieri qed nitkellmu l-Marokk, l-Algerija, il-Libja, it-Tuneżija, l-Eġittu u pajjiżi oħrajn f’dan ir-reġjun.”
Hu tkellem dwar kif dawn il-pajjiżi fl-aħħar xhur iffaċċjaw sfidi relatati mal-tibdil fil-klima, fosthom l-għargħar fil-Libja u n-nirien qawwija fit-Tuneżija.
“Kif mal-Unjoni Ewropea jista’ jkollna relazzjonijiet ma’ dawn il-pajjiżi, li mbagħad jgħinuna nindirizzaw sfidi oħrajn qed niffaċċjaw bħala kontinent. Qed nitkellmu primarjament dwar l-isfida tal-immigrazzjoni illegali, sfida li tolqot lill-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea fil-Mediterran fuq livell ta’ kuljum, jiġifieri fejn għandna l-forzi tagħna, li consistently mat-traffikanti tal-bnedmin.”
Dawn it-temi importanti għar-reġjun tal-Mediterran se jkunu diskussi quddiem il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, u l-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel.
Sadanittant, tlett ijiem qabel din il-laqgħa, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru laqqa’ lil dawk kollha li se jkunu involuti fil-laqgħa tal-MED 9, fosthom ħaddiema minn entitajiet pubbliċi.
F’din il-laqgħa, il-Kap tas-Segretarjat, Glenn Micallef, u l-Kap tal-Attivitajiet tal-Gvern, Aaron Zahra, spjegaw dak li se jiġri dakinhar biex dawk involuti jaħdmu fl-aħjar kordinazzjoni.