Il-Prim Ministru Elett Awstraljan Anthony Albanese, wiegħed li se jkun qed jieħu lill-pajjiż f’direzzjoni ġdida. Fil-fatt, waħda mill-bidliet il-kbar li jixtieq iwettaq, hija fil-politika dwar it-tibdil fil-klima.
Huwa għamel din l-istqarrija ftit tal-ħin wara li sar magħruf li l-Partit Laburista Awstraljan imexxi minnu rebaħ l-elezzjoni ġenerali.
Il-mexxej il-ġdid qal li l-Awstralja kapaċi ssir superpotenza fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli.
It-tibdil fil-klima kien it-tħassib ewlieni għall-elettorat Awstraljan, u dan wara snin ta’ diżastri ambjentali kbar ta’ għargħar jew nirien fl-imsaġar.
Intant, Albanese, se jkun qed jieħu l-ġurnament bħala Prim Ministru għada t-Tnejn, madanakollu, s’issa għadu mhux magħruf jekk hux ser ikollu l-maġġoranza fil-parlament.
Il-Partit Laburista Awstraljan irid jikseb 76 minn 151 siġġu biex jiggverna bil-maġġoranza.
L-għadd tal-voti għadu għaddej, bir-riżultat finali għandu jkun magħruf fil-jiem li ġejjin.