Eluf ta’ Maltin, Għawdxin u turisti jinsabu lesti biex jiċċelebraw il-Milied permezz ta’ ikla f’xi ristorant jew f’xi lukanda.
Dan iż-żmien huwa fost l-aktar impenjattiv fil-kċejjen tal-lukandi, fejn il-kokijiet u d-dulċiera jkunu bieżla jħejju dawn l-ikliet speċjali.
Lejlet il-Milied, ONE News żar lukanda ewlenijan f’San Ġiljan, fejn ġew osservati mill-qrib it-tħejjijiet għal dawn l-ikliet.
Malli rfisna fil-kċina stajna ninnutaw attività kbira fejn bla dubju jiddomina l-ikla tal-Milied – id-dundjan.
Iltqajna ma’ Roderick Vella li huwa I-Executive Head Chef tal-lukanda, li dewwaqna ftit minn dak li hemm imħejji għal Lejliet il-Milied u għal Jum il-Milied.
Qal, “Hemm ħafna affarijiet għaddejjin kif qed tara warajja, il-kċina busy ħafna għaddejja. Ma jonqosx id-dunjan, il-Milied hux, għandna buffett għaddej it-tħejjijiet għalih u ikla oħra fir-restorant ta’ fuq. Hemm il-ħelu għaddej, ħafna.”
Kull min jaħdem fis-settur turistiku, fil-lukandi u fir-ristoranti b’mod speċjali, dawn il-ġranet iqattagħhom ’il bogħod mill-għeżież tiegħu.
Qal, “Ifhimni issa għadda naqra żmien u għalija issa normali. Tħossha xorta pero dak huwa x-xogħol tagħna jekk ma jkollokx is-sapport tal-familja, ma tagħmel xejn jiġifieri naħseb issa drawni li fil-Milied u fl-Ewwel tas-sena ma nkunx magħhom sfortunatament.”
Waqt żjara li għamel fl-istess lukanda, il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo ra b’għajnejh ix-xogħol li jkun qed isir f’dawn il-jiem.
Huwa tkellem magħna dwar dan iż-żmien tas-sena u t-triq ’il quddiem.
Qal, “Dan iż-żmien tas-sena jġib fi tmiemha sena rekord għall-qasam turistiku ta’ pajjiżna. Sena li matulha rnexxilna nilħqu ir-rekords ta’ qabel il-pandemija u qbiżnihom fejn kellna rekord fin-numri ta’ viżitaturi, in-numri ta’ guest nights u anki in-nefqa tat-turiżmu fl-Ekonomija Maltija. Qed naraw kif dan iż-żmien tas-sena huwa wkoll wieħed li baqa għaddej bix-xogħol u allura qegħdin nilħqu s-sostennibilita sabiex ikollna turiżmu sostennibli s-sena kollha, bil-għan li jkollok il-lukandi u r-ristoranti li jibqgħu għaddejin jaħdmu anki f’dawn iż-żminijiet, sabiex b’hekk imbgħad jippreparaw għas-sena d-dieħla fejn jidher biċ-ċar li ser ikollna sena oħra b’saħħitha daqsa din is-sena jekk mhux iktar minn din is-sena bil-għan li nkomplu ngħollu l-impatt posittiv ekonomiku li għandu dan is-settur għal pajjiżna.”