“L-immigrazzjoni ma tiġiex indirizzata bl-estremiżu, iżda b’mod razzjonali u uman.”
Dan qalu l-Prim Ministru Joseph Muscat fid-diskors tiegħu fiċ-Ċentru Laburista, San Pawl il-Baħar.
- Nindirizzaw l-immigrazzjoni b’mod razzjonali u uman
Il-Prim Ministru Joseph Muscat tkellem dwar il-vjaġġ tiegħu lejn Strasburgu biex fil-Parlament Ewropew jitkellem dwar il-prijoritajiet Maltin għall-Presidenza, hawnhekk huwa tkellem dwar l-isfida tal-immigrazzjoni, sfida li fi kliemu m’għandiex tiġi ndirizzata bl-estremiżmu, iżda b’sistema effettiva razzjonali u umana.
Huwa elenka li dak li jiġi diskuss fuq livell Ewropew u ma’ pajjiżi barranin dejjem ikollu fiċ-ċentru l-ħajja tal-familja Maltin. Stqarr, li l-Gvern huwa konxju li l-Maltin huma mħassba dwar il-barranin f’pajjiżna, fosthom dawk residenti San Pawl il-Baħar, il-Qawra u l-Marsa iżda ma jemminx li wieħed jagħlaq il-bibien għall-immigranti għandha tkun is-soluzzjoni.
“Dan il-pajjiż qatt m’hu se jieħu deċiżjoni li biha jmutu n-nies, iżda jieħu deċiżjoni li jaħdem mal-pajjiżi tat-tluq u mal-pajjiżi li minnhom qed jaqsmu dawk li qed ifittxu l-ażil,” spjega l-Prim Ministru.
Huwa serraħ moħħ iċ-ċittadini Maltin, li l-problemi li toħloq l-immigrazzjoni u li qed jesperjenzaw il-Maltin huma magħrufa u għalhekk jeħtieġ li din il-problema tiġi indirizzata immedjatament, iżda hawnhekk il-Prim Ministru fiehem lil dawk preżenti li din l-isfida qatt ma tista’ tiġi indirizzata bil-mibegħda.
“Jekk ikun hemm xi ħadd qed jegħreq, int li jdejqek il-fatt li għandek xi ħadd barrani f’pajjiżek, kieku twieġeb dik it-telefonata bħal Prim Ministru, tħallih imut?”
Iżda fid-diskors tiegħu stqarr li dan ma jfissirx li wieħed jiftaħ il-bibien beraħ iżda wieħed għandu jikkontrolla d-dħul iżda jżomm dejjem f’moħħu li l-umanitá hija valur importanti.
Huwa spjega ukoll, dwar it-tħassib li ċ-ċittadini għandhom dwar l-impjiegi u l-barranin f’pajjiżna. “Dawn in-nies qed jaħdmu f’dawk l-oqsma li l-Malti mhux qed jagħżel li jaħdem fih. Barrani jintagħżel flok Malti jew jitħallas inqas jew jiġi sfruttat minn dawk li jħaddmuh u għalhekk din se tiġi regolata biex jitneħħa l-abbuż.”
Il-Prim Ministru stqarr li l-kwalitá tal-ħajja ta’ pajjiżna se tasal f’sitwazzjoni li qatt ma esperjenza dan il-pajjiż u li għalhekk ikun f’pożizzjoni li mhux biss jagħti tama lil Maltin iżda anke lill-barranin.
“Dak li ħolom dwaru l-Perit Mintoff – aħna qed inwettquħ u qed narawh jinbidel f’realtá,” qal il-Prim Ministru.
- Il-Gvern mhux se jaqa’ għall-provokazzjoni tal-Oppożizzjoni
Il-Prim Ministru tkellem dwar il-provokazzjoni min-naħa tal-Partit Nazzjonalista, provokazzjoni li fi kliemu fl-aħħar ġimgħat żdiedet. Saħaq li l-klikka estremista qed tinfluwenza d-deċiżjonijiet tal-Partit, deċiżjonijiet li l-maġġoranza tan-nies ma jaqblux magħhom.
“Meta naraw din il-provokazzjoni kollha, t-tweġiba tagħna tibqa’ l-id tal-ħbiberija li naħdmu ma’ dawk kollha li jridu jaraw lil pajjiżna jimxi ‘l quddiem,” qal il-Prim Ministru.
Fid-diskors tiegħu qal, li l-Oppożizzjoni qed taqa’ għall-livelli surreali. Hekk kif il-PN għamel allegazzjonijiet li l-HI-JACK kien organizzat mill-Gvern u li d-dawl ntefa’ f’pajjiżna bi ħsieb. Iżda hawnhekk il-Prim Ministru spjega l-importanza tad-deċiżjonijiet li ħa dan il-Gvern li wasslet għall-indipendenza fis-settur tal-enerġija.
- Sussidju tal-kera
Il-Prim Ministru tkellem dwar ir-riforma fl-għajnuna lil dawk li jieħdu l-għajnuna marbuta mal-kera. Huwa stqarr li din ir-riforma għad irridu naraw kif se jirreaġġixxi għaliha s-suq, jekk igawdiex il-poplu Malti minn kera affordabbli jew jekk tarax żieda fil-kera, hekk kif min jikri jgħolli l-prezzijiet tal-kera wara l-introduzzjoni ta’ dawn is-sussidji. Is-sussidju se jkun qed jiżdied minn massimu ta’ €83 fix-xahar telgħet għal massimu ta’ €160 fix-xahar. Il-persuni li jikkwalifikaw għal dan is-sussidju se jitilgħu minn 1,400 għal 2,800. L-irduppjar tas-sussidju se jincentiva biex jiġu rregistrati l-kuntratti tal-kiri biex jinqata’ l-abbuż.
Il-Prim Ministru temm id-diskors tiegħu b’garanzija li dak li tħabbar fil-baġit ta’ din is-sena se jitwettaq.