Alfred Sant qal li t-tħassib tal-mexxejja Ewropej għandu jirrifletti t-tħassib taċ-ċittadini Ewropej. L-Ewroparlamentari Malti qal dan fil-Kumitat tal-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (ECON) tal-Parlament Ewropew meta, bħala rapporteur għal-S&D, ippreżenta rapport formali dwar ir-rakkomandazzjonijiet li l-Kummissjoni Ewropea tat lill-istati membri fl-2016. Din kienet l-ewwel darba li r-rapport ġie diskuss fuq livell ta’ kumitat. Ir-rapport ikun finalizzat f’Settembru wara aktar diskussjonijiet mar-rappreżentanti tal-gruppi politiċi l-oħra li mistennija jippreżentaw l-emendi tagħhom. Jittieħed vot għal adozzjoni tar-rapport fil-11 ta’ Ottubru 2016.
Sant emfasizza li r-rapport għandu jimmira l-aktar għal żieda fl-investiment pubbliku u privat fl-Ewropa, billi jinkoraġġixxi miżuri li jżidu l-investimenti. “Naqblu li t-tkabbir ekonomiku fl-Ewropa waqa’ lura għax l-investiment ekonomiku waqa’ lura u għadu ma rkuprax. Huwa fl-interess tal-konstitwenti tagħna li naraw is-sitwazzjoni fl-investiment teqleb għall-aħjar mingħajr ma nabbandunaw il-valuri tagħna.”
L-Ewroparlamentari Malti qal li hemm l-argument li minħabba l-eżistenza nnfisha tal-munita ewro, jitqanqlu żbilanċi strutturali li bilfors inaqqsu l-investiment u l-konsum. “Il-punt jibqa’ dan: fil-passat l-investiment f’dan il-kuntest mhux ottimali xorta kien aktar b’saħħtu milli huwa llum. Allura, nistgħu tal-anqas nipprovaw nilħqu l-livelli li kellna fil-passat, peress li l-esperjenza turina li nistgħu nilħqu livelli bħal dawn?” staqsa Dr Sant.
L-investiment pubbliku joħloq kwistjoni oħra għax waqa’ lura wkoll. Huwa f’livelli ħafna aktar baxxi minn dawk tal-Istati Uniti li taħbi l-investimenti pubbliċi wara t-tabelli tad-Difiża, tar-Riċerka u l-Iżvilupp u talloka l-flejjes kemm fuq livell statali u kemm federali. “Hija ta’ tħassib din is-sitwazzjoni? L-investiment li hu l-aktar meħtieġ huwa dak privat. Imma l-investiment privat jirkeb fuq dak pubbliku. Inqas ma jkun hemm investiment pubbliku, inqas ikun hemm kunfidenza fin-negozji li tqanqal volumi akbar ta’ investiment privat.”
Sant qal li l-politika ekonomika Ewropea komuni qed tqanqal l-inċertezza f’oqsma bħall-enerġija, l-ambjent, l-unjoni bankarja fi ħdan iż-żona ewro u l-immigrazzjoni. Lil hinn minn hekk, hemm ukoll l-inċertezzi politiċi, li tqanqlu aktar bil-Brexit, imma li huma wkoll frott ta’ kwistjonijiet politiċi li għadhom ma ssolvewx.
Il-kelliem irrefera għall-intrapriżi żgħar u medji. “Sa ftit żmien ilu, kienu jgħidulna li l-akbar problemi tal-SMEs meta jiġu biex iwettqu proġett ġdid kienu mqanqla mir-riġidita` tal-bank fuq is-self. Issa qed jintqal li l-problema hija li ma hemmx domanda biżżejjed biex intraprendituri jkun motivati jinvestu fi proġetti ġodda, speċjalment dawl tal-intrapriżi żgħar u medji.