FL-09:45 ta’ dalgħodu il-Kardinal Kevin Farrell, il-Camerlengo tal-Palazz Appostoliku ħabbar il-mewt ta’ Papa Franġisku minn Casa Santa Marta billi qal:
“Għeżież ħuti, b’sogħba kbira inħabbar il-mewt ta’ Papa Franġisku hekk kif fis-7:35 ta’ dalgħodu l-Isqof ta’ Ruma, Franġisku rritorna lura f’Dar il-Mulej. Ħajtu kienet iddedikata biex jaqdi ’l Mulej u l-Knisja Tiegħu. Huwa għallimna ngħixu l-valuri tal-Vanġelu b’fedeltà, kuraġġ u mħabba universali, speċjalment fir-rigward tal-fqar u l-emarġinati. Bi gratitudni kbira għall-eżempju tiegħu bħala dixxiplu veru ta’ Ġesù Kristu, aħna nerħu ruħ Papa Franġisku għall-imħabba infinta u ħanina ta’ Alla Waħdieni.”
Il-papa kien iddaħħal fl-isptar Agostino Gemelli nhar l-14 ta’ Frar wara li kien ilu jsofri minn bronkite għal diversi jiem.
Il-qagħda klinika tiegħu marret għall-agħar fejn ingħata dijanjożi ta’ pnewmonja bilaterali nhar it-18 ta’ Frar.
Wara 38 jum fl-isptar, huwa rritorna fir-residenza tiegħu fil-Vatikan f’Casa Santa Marta sabiex ikompli jirkupra.
Fl-1957, fiż-żogħżija tiegħu, Jorge Mario Bergoglio kien ġie operat fl-Arġentina fejn tneħħitlu parti mill-pulmun li kienet affetwata minn infezzjoni respiratorja severa.
Hekk kif beda jikber, Papa Franġisku beda jsofri minn diversi mardiet respiratorji fejn anke ħassar vjaġġ għall Emirati Għarab Maqgħuda f’Novembru 2023 minħabba influwenza u infjammazzjoni tal-pulmun.
F’April 2024, Papa Franġisku approva l-aħħar edizzjoni tal-ktieb liturġiku għar-riti funebri tal-papiet li se tiggwida iċ-ċelebrazzjoni tal-funeral li għad irid jitħabbar.
Din it-tieni edizzjoni tal-’Ordo Exsequiarum Romani Pontificis’ introduċiet diversi elementi ġodda, inkluż kif ġisem il-Papa jindifen wara mewtu.
Il-verifikazzjoni tal-mewt tiegħu ssir fil-kappella u mhux fil-kamra fejn miet u ġismu jitpoġġa immedjatament fit-tebut.
Skont l-Arċisqof Diego Ravelli, l-inkarigat taċ-Ċerimonji Apostoliċi, Papa Franġisku talab li r-riti funebri ikunu simplifkati u jiffukaw fuq il-fidi tal-Knisja u l-Qawmien ta’ Ġesù Kristu.