Il-Korea ta’ Fuq sostniet li l-azzjoni tagħha li titfa’ missila lejn il-Ġappun aktar kmieni din il-ġimgħa, kienet biss l-ewwel pass minn għadd ta’ operazzjonijiet militari li għandha ppjanati.
Fuq il-mezzi tax-xandir tal-istat dittatorjali ġew rrikonfermati wkoll theddidiet li diġa’ kienu saru lejn il-gżira Amerikana Guam fl-Oċean Paċifiku li skont ir-reġim ta’ Jong-un hija “bażi avvanzata ta’ invażjoni”.
F’laqgħa li kellu tard fil-jum tat-Tlieta ġewwa New York, il-Kunsill tas-Sigurta’ tal-Ġnus Magħquda ikkundanna bi qbil unanimu dawn l-azzjonjiet mill-Korea ta’ Fuq, u sejħu l-attakk “xokkanti”.
Filwaqt li l-Kunsill saħaq li l-provokazzjonijiet tal-Korea ta’ Fuq huma theddida għall-membri kollha tal-Ġnus Magħquda, ma ttieħdet l-ebda sanzjoni ġdida kontra l-Gvern ta’ Pyongyang.
Intant fiż-żjara tagħha llum ġewwa l-Ġappun il-Priministru Ingliż Theresa May appellat għal aktar pressjoni min-naħa tal-Gvern Ċiniż fid-dawl tar-rwol ewlieni li dan għandu għal tweġiba internazzjonali lejn il-Pyongyang.