Ir-Reġjun tat-Tramuntana ospita l-ewwel laqgħa tal-Kunsill Reġjonali tat-Tfal, fejn tfal min-naħa ta’ fuq ta’ Malta wasslu l-vuċi tagħhom f’dan il-Kunsill u x’jixtiequ jaraw fil-lokalitajiet tagħhom.
Dan il-Kunsill għandu l-għan li jagħti vuċi lit-tfal, pjattaforma biex jaqsmu t-tħassib, ix-xewqat, u l-ideat tagħhom kemm għall-preżent kif ukoll għall-futur.
F’din l-inizjattiva ipparteċipaw tfal ta’ bejn is-6 u t-13-il sena, fil-preżenza tal-Pesident Emeritu Marie Louise Coleiro Preca u bħala parti minn The Malta Foundation for the Wellbeing of Society.
Il-President tar-Reġjun Tramuntana qal li “kuntenti li bħala Reġjun qed nagħtu din l-ewwel opportunità lit-tfal u adoloxxenti biex isemmgħu leħinhom u jipparteċipaw direttament f’kunsill; f’dan il-każ fil-Kunsill tar-Reġjun Tramuntana. Din il-faxxa tas-soċjetà hija mogħnija b’ideat importanti li jsawru futur aħjar li minnu se jgawdu huma stess għaliex se jgħixuh huma nnifishom ukoll qabel xejn. Aħna fid-dmir li dak li nwettqu llum ikun ta’ ġid mhux biss għall-preżent imma anke għal dawk li telgħin u għad iridu jiġu warajna. Inħarsu ‘l quddiem biex ninkludu lil kulħadd.”
Dawn qed jittellgħu mit-tim ta’ The RIGHTS Project mill-Fondazzjoni Maltija għall-Benesseri tas-Soċjetà.