It-tfal tal-Iskola Primarja taż-Żejtun qasmu l-ideat tagħhom dwar kif jixtiequ jsawru l-ispazji miftuħa fil-lokalità tagħhom.
Dan wara li ltaqgħu ma’ periti mill-aġenzija Project Green u ma’ studenti tal-Fakultà tal-Built Environment fl-Università ta’ Malta.
Waqt din il-laqgħa fi Ġnien iż-Żgħożija, it-tfal kellhom rwol ċentrali fit-tfassil ta’ pjani għal proġetti futuri biex jiġi riġenerat dan il-ġnien u ż-żona residenzjali biswit, magħrufa bħala Ġebel San Martin. It-triq biswit il-ġnien, ingħalqet temporanjament biex tgħin lit-tfal jifhmu aħjar il-benefiċċji ta’ ambjent mingħajr l-użu tal-karozzi.
It-tfal lagħbu wkoll kwiżż biex jitgħallmu dwar il-pjanti li jdakkru u l-ġonna sensorjali, waqt li pparteċipaw ukoll f’sessjoni prattika ta’ tħawwil, biex imbagħad ħadu magħhom id-dar l-ħxejjex aromatiċi mħawla u riċetti dwar kif jistgħu jintużaw mill-familji tagħhom.
Min-naħa tagħhom, il-periti minn Project Green u l-istudenti Universitarji ppreżentaw lit-tfal flashcards b’diversi studji biex jgħinuhom jidentifikaw l-użanzi differenti għall-bandli, fejn l-Aġenzija qed tippjana proġett ta’ riġenerazzjoni.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green, Steve Ellul, innota li t-tfal iġibu perspettivi ġodda dwar il-logħob u s-sigurtà fi spazji miftuħa u l-ħajja inġenerali, li jwasslu għal żoni urbani aktar inklussivi u favur it-tfal.
Qal, “Bis-saħħa tal-istudenti, it-tfal tal-Iskola Primarja taż-Żejtun, illum fhimna aktar huma x’jixtiequ jaraw f’waħda miż-żoni urbanizzati ta’ din il-lokalità. Il-ħsieb wara dan kollu hu li jkollna proġetti li dawn it-tfal ikunu kuntenti bihom.”
Waqt diskussjoni mat-tfal, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, Miriam Dalli, spjegat li inizjattivi ta’ placemaking bħal dawn jagħtu eżempju ta’ involviment kollaborattiv fi ħdan il-komunità għall-ħolqien mill-ġdid tal-ispazji urbani.
Qalet, “Irridu ninvolvu lil kulħadd, inkluż anke lit-tfal. Dak hu proprju li għamilna fiż-Żejtun. L-istess kif għamilna pereżempju f’San Ġwann u Bormla fejn it-tfal li jattendu l-Iskola Primarja ta’ dawk il-lokalitajiet tawna l-ideat tagħhom ta’ x’jixtiequ jaraw f’dawn l-ispazji miftuħa”.