Il-Kunsill Lokali tal-Gżira għal sena oħra se jiċċelebra l-jum internazzjonali ddedikat għat-tfal b’attività fil-kulleġġ ta’ Santa Klara bit-tema prinċipali tkun l-ambjent.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Kunsill Lokali tal-Gżira fejn fost oħrajn intqal li t-tfal għandhom dritt li jitrabbew u jgħixu f’ambjent nadif u nieqes mit-tniġġis.
F’kumment ma’ ONE News is-Sindku tal-Gżira Conrad Borg Manché tenna li l-Kunsill għażel din it-tema hekk kif iktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed insiru konxji tal-ambjent madwarna.
B’hekk b’attivitajiet ta’ dan it-tip it-tfal tal-lum ikomplu jinfurmaw ruħhom li l-ambjent li wirtu minn dawk ta’ qabilhom iridu jippreservawh u jieħdu ħsiebu:
“Naħseb huwa importanti li t-tfal tagħna jgħixu f’ambjent sahan. Huwa għalihom u għall-futur tagħhom u għalhekk ħa nibdew nagħmlu minn kollox biex f’dawn it-tfal nibnu kuxjenza. Nemmen li ħafna mit-tfal diġà għandhom, perà b’li se nagħmlu aħna se nkomplu nispjegawlhom iktar biex il-messaġġ tagħna jasal iktar fil-fond”.
Il-Kummissarju għat-Tfal Pauline Miceli tenniet li meta t-tfal isemmgħu leħinhom, l-adulti għandhom jieqfu u jismgħu għax dawn jinnutaw u jaraw affarijiet minn perspettiva differenti:
“Id-drittijiet tagħhom jinkludu wkoll il-vuċi. Il-vuċi tat-tfal irridu nagħtu kasha għaliex huma jaraw l-affarijiet minn mod differenti minn kif narawhom aħna”.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Silvio Parnis irringrazzja lil dawk kollha li għenu sabiex jittella’ dan l-avveniment u esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-ħidma siewja li qed jagħmel il-Kunsill mal-adoloxxenti f’pajjiżna.
Din l-attività se tkun mifruxa fuq tlett ijiem bejn, il-Ħamis 15 u l-Ħadd 18 ta’ Novembru.
L-ewwel attività se tkun miftuħa għat-tfal tal-iskejjel primarji u tikkonsisti fi programm varjat bis-sehem ta’ kantanti, illużjonista u animazzjoni.