Tfal u adoloxxenti ta’ bejn il-ħames snin u s-sittax-il sena huma mistiedna jpinġu dwar xi tfisser għalihom il-kwalità tal-ħajja.
Dan bħala parti minn kompetizzjoni li nieda l-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja, li għandha l-għan li tqajjem kuxjenza sa mit-tfulija dwar kif wieħed jista’ jgħix kwalità ta’ ħajja tajba.
Iċ-Chairperson tal-Kumitat tal-Għażla, Christopher Bonnici, saħaq li permezz ta’ din il-kompetizzjoni, min jieħu sehem se jingħata ċ-ċans jesprimi bit-tpinġija dak li jħoss li huwa ta’ kwalità fil-ħajja tiegħu.
Huwa qal, “Dak li qabel konna neħduh forgranted, illum il-ġurnata, il-kwalità tal-ħajja tagħna qed nimmissjawha daqsxejn mhux ħażin sewwa u għaldaqstant l-għan ta’ din il-kompetizzjoni huwa li nħarsu lejn kull wieħed u waħda mill-parteċipanti, mit-tfal u ż-żgħażagħ, ulied is-soċjetà Maltija, sabiex jagħtuna l-feedback tagħhom u kif jaħsbuha huma dwar il-kwalità tal-ħajja.”
Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja, Julia Farrugia Portelli, qalet li l-lenti tat-tfal u l-adoloxxenti hija importanti fi proċess san tat-teħid tad-deċiżjonijiet, u l-vuċi tagħhom hija importanti daqs tal-adulti.
Hija qalet, “Huwa mod ieħor ta’ kif aħna nkunu qegħdin qrib taż-żgħażagħ tagħna, tat-tfal tagħna u naraw x’inhuma dawk l-affarijiet li jaspirawhom fuq dan is-suġġett.”
It-tpinġijiet għandhom jintbagħtu bil-posta jew bl-idejn f’89, Palazzo Francesco, Triq Sir Ugo Mifsud, Ħal Lija – sa mhux aktar tard mill-aħħar t’Awwissu.
Ir-rebbieħa jitħabbru fit-tletin ta’ Settembru, u kull min jieħu sehem se jingħata ċertifikat ta’ parteċipazzjoni.