Aqbad xi trill u aqlih, xi pagru ixwih il-forn jew xi torta tal-lampuki.
Dawn huma wħud minn riċetti bnini marbuta mal-ħut li student bejn id-disa’ u l-ħmistax-il sena huma mistedna li jieħdu sehem f’kompetizzjoni, billi jħejju riċetta bil-ħut lokali.
Dawn it-tfal jistgħu jlestu platt tal-ħut, jieħdu ritratt u jippubblikawha fuq il-paġna ta’ Facebook tal-akwakultura sa mhux aktar tard minn tmiem din is-sena.
Wara se jiġu premjati.
Alicia Said, id-Direttur tad-Dipartiment għas-Sajd u l-Akwakultura qalet li din l-inizjattiva qed issir bħala parti minn ċelebrazzjonijiet għall-jum dinji għas-Sajd, li se jiġi ċċelebrat għall-ewwel darba f’Malta nhar is-Sibt li ġej.
Hija qalet: “L-idea hi biex ninċentivaw aktar lit-tfal jieklu l-ħut, imma aparti minn hekk li jagħmlu r-riċetta huma flimkien mal-familji tagħhom. Skont studji sfortunatament nafu li l-konsum tal-ħut fost uliedna huwa kemxejn baxx u għaldaqstant aħna bħala d-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura dejjem nippromovu li jittiekel aktar ħut u ovvjament biex inkunu qed niċċelebraw tajjeb il-komunità tas-sajd tagħna, aħna qegħdin niffokaw fuq ħut lokali maqbud mis-sajjieda Maltin u Għawdxin.”
Il-Ministru għas-Sajd Anton Refalo ta’ r-ringrazzjament tiegħu lejn is-sajjieda u l-komunitajiet tas-sajd talli jipprovdu l-ħut frisk matul is-sena kollha, filwaqt li wera s-sodisfazzjon tiegħu għall-inizjattiva tad-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici qal li huwa importanti li nippromovu l-konsum ta’ speċi ta’ ħut lokali u sostenibbli kif ukoll ikollna aktar għarfien dwar il-gastronomija tal-Gżejjer Maltin.