Ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li l-assenteiżmu fis-sena skolastika 2016-2017 kien ftit aktar minn 25% inqas mis-sena skolastika 2012 u l-2013. L-NSO qal li l-assentejiżmu fl-iskejjel naqas minn 710,000 jum ta’ skola fis-sena akkademika 2012-2013, għal kważi 532,000 fis-sena skolastika li għaddiet.
Ras għal ras, il-jiem li tfal fallew l-iskola naqsu minn 15-il jum fl-2012-2013 għal 11-il jum fl-2016-2017, jiġiferi tnaqqis ta’ erbat ijiem ta’ skola.
L-NSO qal ukoll li fuq perjodu ta’ ħames snin, it-tfal li fallew l-iskola mingħajr ċertifikat naqsu b’aktar minn 26%.
Fil-fatt iċ-ċifri juru li t-tfal li fallew l-iskola mingħajr ċertifikat naqsu minn 275,000 jum fl-2012-2013 għal 202,000 jum għas-sena akkademika li għaddiet.
L-istatistika turi ukoll li l-bniet ifallu l-iskola inqas mis-subien għalkemm f’din il-kategorija wkoll kien irreġistrat tnaqqis tant li minn kważi 55% fl-2012-2013, dan niżel għal kważi 52% fis-sena skolistika li għaddiet.
B’medja ta’ ħamest ijiem, iċ-ċifri tal-NSO juru li t-tfal li jattendu fi skejjel privati kienu l-anqas li fallew skola biċ-ċertifikat. Min-naħa l-oħra, it-tfal fl-iskejjel tal-Knisja kienu l-inqas li fallew skola mingħajr ċertifikat.
Ħareġ ukoll li matul is-sena skolastika li għaddiet, it-tfal li joqogħdu Ħ’Attard fallew l-inqas skola b’medja ta’ sebat ijiem waqt li l-aktar li fallew skola kienu t-tfal f’Bormla b’medja ta’ kważi 24 jum.