It-tfal u żgħażagħ Maltin u Għawdxin jistgħu issa jkunu parti mill-proġetti komunitarji li qed isiru fil-qalba tal-lokalitajiet tal-pajjiż, bħal-ġonna u postijiet oħra ta’ rilassar.
Dan hekk kif permezz tal-inizjattiva ‘Proġett Komunitarju’ mill-Fondazzjoni għall-Ġid tas-Soċjetà dawn it-tfal flimkien mal-ġenituri tagħhom qed jagħtu l-ideat tagħhom fit-tfassil u fil-ħidma ta’ dan il-proġett.
Proġett minnhom se jkun dak ta’ San Nikola f’Ħaż Żabbar, fejn it-tfal urew ix-xewqa li jkun mgħammar b’żona fejn wieħed ikun jista’ jagħmel l-eżerċizzju, aktar siġar u pannelli solari fost oħrajn.
“Post ta’ eżerċizzju u importanti ħafna li nagħmlu ħafna eżerċizzju u li jkunu viċin tas-siġar huwa importanti ħafna ħalli tkun rilassat…”
Is-Sindku ta’ Ħaż-Żabbar Jorge Grech laqa’ din l-inizjattiva li biha t-tfal Żabbarin se jkollhom parti kbira minn dan il-proġett.
“Il-proġettt ta’ San Nikola huwa proġett u waħda mill-wegħdiet tal-Kunsill Lokali u konna qed naraw li t-tfal stess ikunu huma li jtuna l-konsultazzjoni ta’ x’jixtiequ f’din iż-żona. Minn din il-konsultazzjoni ħareġ li huma jixtiequ post rikreattiv għalihom b’ħafna elementi addattati għat-tfal kif ukoll il-parking taħt l-art biex jiffaċilita l-problema tal-parking fiż-żona li għandna madwar ir-raħal.”
Preżenti għall-preżentazzjoni ta’ din l-iniżjattiva kien hemm ukoll il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca f’isem il-Fondazzjoni għall-Ġid tas-Soċjetà li qalet li dawn l-ispazji għandhom ikunu inklussivi u bla periklu.