Fis-6 ta’ Diċembru, f’jum San Nikola, it-tfal tal-iskola primarja tas-Siġġiewi kellhom ġurnata differenti ferm minn dik tas-soltu.
Bi tradizzjoni li bdiet sbatax-il sena ilu, lebsin ta’ abbatini, qassisin, tal-Granmastru Hompesch, u ta’ San Nikola, it-tfal ħarġu purċissjoni bi statwa ċkejkna tal-patrun tas-Siġġiewi, San Nikola.
Ħafna lil San Nikola jassoċjawh ma’ Santa Klaws, missier il-Milied, hekk kif tul ħajtu qassam ir-rigali bil-moħbi matul il-lejl.
Kollhom innoċenza u bi tbissima kbira fuq fommhom, it-tfal li ħadu sehem f’din il-purċissjoni qalu ma’ ONE News li jinsabu fis-seba’ sema li qed jerfgħu l-istatwa tal-patrun tagħhom.
Il-purċissjoni bdiet mill-iskola primarja u mxiet sal-pjazza tar-raħal quddiem il-knisja, b’mijiet ta’ nies jimxu wara t-tfal.
Biex ikomplu jżidu mal-ispirtu tal-festa, iż-żewġ baned Siġġiwin akkumpanjaw il-purċissjoni b’diversi marċi brijużi.
ONE News tkellem ukoll mal-kap tal-iskola primarja tas-Siġġiewi, Nathalie Saliba, li esprimiet il-ferħ tagħha għall-fatt li, wara sentejn ta’ pandemija, qed terġa’ tara t-tfal kollha magħqudin biex itellgħu dan l-avveniment mill-isbaħ.
“Kuntenta ħafna, kuntenta għat-tfal u kuntenta għall-komunità Siġġiwija li kollha ninvolvu ruħna fiha biex din il-purċissjoni tkun daqsekk kbira.”