Aktar spazji ħodor u miftuħa huma fost ix-xewqat ewlenin li ħarġet minn studju li sar b’kollaborazzjoni bejn iċ-Ċentru għar-Reżiljenza u s-Saħħa Soċjoemozzjonali fl-Università ta’ Malta , il-Kummissjoni għat-Tfal, u l-Awtorità għar-Riżorsi u l-Ambjent, l-ERA.
L-istudju tar-Riċerka, bit-tema ‘Healthy Spaces: Co-creating Child-friendly Towns and Villages’, tnieda waqt konferenza nazzjonali organizzata mill-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal it-Tlieta filgħodu.
F’dan l-istudju, li nbeda fl-2019, ipparteċipaw aktar minn elf tifel u tifla, li esprimew il-fehmiet tagħhom. Dan filwaqt li mal-1,500 ġenitur u 170 partijiet interessati wkoll qalu tagħhom fuq temi fosthom is-sigurtà u l-ordni pubbliku; ir-rikreazzjoni u l-logħob, u il-parteċipazzjoni tat-tfal.
Il-Kummissarju għat-tfal, Antoinette Vassallo, qalet li l-għan ta’ dan l-istudju huwa li l-ambjent lokali jiġi addattat għat-tfal fejn ikollhom spazji għalihom.
Vassallo qalet, “Illum iltqajna biex flimkien nesploraw u nippromwovu dawk il-postijiet tal-villaġġi u l-irħula madwar Malta fejn nistgħu nagħmluhom iżjed child-friendly, iżjed co-friendly għal kulħadd, jiġifieri fejn it-tfal jistgħu jgawdu lil hinn mill-postijiet tad-dar jew jistgħu joħorġu barra ġo safe places – ikunu postijiet siguri, jistgħu jilagħbu, jistgħu jitħalltu ma’ tfal oħra, u b’hekk qegħdin nagħtuhom iċ-ċans illi jitilgħu f’ambjent xieraq u kif jixraqilhom.”
Fil-ftuħ ta’ din il-konferenza, il-Ministru responsabbli mid-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, qal li fl-aħħar ħames snin saret ħidma kbira favur it-tfal, fosthom anke tibdil fil-liġi.
Huwa tkellem ukoll dwar ir-realtà li ġabet magħha l-pandemija. Osserva kif, minkejja l-komunikazzjoni diġitali, it-tfal xorta waħda qed jispiċċaw jiżolaw ruħhom, u għalhekk saħaq dwar l-importanza li nieħdu ħsieb l-ambjent.
Il-Ministru Falzon stqarr, “Qed inħarsu biex intejbu l-kwalità tal-ħajja tat-tfal tagħna, anke fejn mhux monetarju, għandna impenn sħiħ ta’ €700,000,000 li se ninvestu biex nagħmlu spazji aktar ħodor, aktar tajbin għat-tfal, aktar biex intejbu l-ambjent, li huwa tant importanti għalina lkoll. It-tfal tkellmu wkoll, u dik hija r-reazzjoni tagħhom, li jixtiequ ambjent aħjar. Aħna ħa naħdmu biex dak l-ambjent nagħtuhulhom.”
Intant, bħala parti mit-twettiq ta’ dan l-istudju, se jsir proġett pilota mal-Kunsill Lokali tal-Ħamrun, fejn fih it-tfal se jkunu parteċipi biex jinħoloq spazju rikreattiv għalihom.