Tintemm b’suċċess l-ewwel edizzjoni tal-inizjattiva Football for the Goals, li għandha l-għan li tqajjem għarfien dwar l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) fost l-istudenti fl-iskejjel.
Din l-inizjattiva, li hija kollaborazzjoni bejn il-Gvern u l-Fondazzjoni Inħobb il-Futbol, tibni fuq is-saħħa u l-influwenza qawwija tal-futbol biex tispira azzjoni fost it-tfal dwar l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tal-Ġnus Magħquda.
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli spjegat li dan il-proġett iħeġġeġ lill-iskejjel sabiex iservu bħala ambaxxaturi tas-sostenibbiltà, billi jintegraw il-prinċipji ta’ żvilupp sostenibbli fil-kurrikulu tagħhom, jimplimentaw inizjattivi favur l-ambjent u jippromwovu l-għarfien fost l-istudenti. “Ir-rwol tal-edukazzjoni għall-iżvilupp sostenibbli huwa kruċjali biex l-għalliema jkunu katalisti għall-bidla, u biex jgħinu lill-istudenti jsiru ċittadini infurmati u responsabbli. Dawn jipprovdu lill-ġenerazzjonijiet żgħażagħ bl-għarfien u l-ħiliet essenzjali biex jindirizzaw kwistjonijiet globali bħat-tibdil fil-klima u inugwaljanza soċjali – temi li jolqtuhom direttament,” qalet il-Ministru Dalli.
Is-17-il għan ta’ żvilupp sostenibbli ġew adottati mill-mexxejja dinjin f’Settembru tal-2015. Dawn l-għanijiet jindirizzaw diversi setturi, fosthom is-saħħa, l-edukazzjoni, l-innovazzjoni u l-azzjoni klimatika. Football for the Goals jagħmel parti minn inizjattiva usa’ tal-Ġnus Magħquda li tikkollabora ma’ għaqdiet differenti fil-football biex iżżid il-popolarità u l-influwenza globali ta’ dan l-isport.
“Din l-inizjattiva tagħraf l-influwenza qawwija li għandu l-futbol fil-komunità u r-rwol importanti tiegħu biex iqajjem kuxjenza dwar l-SDGs. Il-futbol mhux biss huwa l-aktar sport popolari fid-dinja, iżda huwa wkoll l-aktar sport aċċessibbli. Għalhekk, jippreżenta opportunità ideali biex inħeġġu lin-nies jieħdu azzjoni favur is-sostenibbiltà. Dan il-proġett juri kif prattiċi sostenibbli jistgħu jsiru parti mill-ħajja ta’ kuljum tat-tfal, kemm fl-iskola kif ukoll barra mill-iskola,” ikkonkludiet il-Ministru Dalli.