It-tfal bdew jitlaqqmu kontra l-influwenza.
Is-Sibt waranofsinhar, ONE News żar iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana, li flimkien maċ-Ċentri ta’ Raħal Ġdid, tal-Mosta u ta’ Kerċem bdew jagħtu l-vaċċin tal-influwenza lil tfal ta’ taħt it-tnax-il sena.
Clotty Spiteri, li hija l-infermiera responsabbli miċ-Ċentru tat-Tilqim, spjegat l-andament tul il-jum: “Iż-żewġ weekends ta’ Novembru. Illum sas-sagħtejn se jkunu ġew qisu 450 tifel u tifla, 350 minnhom ħadu n-nasal u l-100 l-oħra ħadu l-injectible.”
Din il-kampanja se sseħħ fuq it-tliet weekends li ġejjin, bl-aħħar ġurnata tkun it-tieni Ħadd ta’ Novembru.
Il-ħinijiet huma bejn it-tmienja ta’ filgħodu u s-sebgħa ta’ filgħaxija.
L-infermiera kompliet tispjega li fit-tfal, Malta qed tagħti l-injezzjoni konvenzjonali jew inkella vaċċin forma ta’ spray li tingħata mill-imnieħer: “Bejn sitt xhur u sentejn jieħdu l-injectible, u minn sentejn sa ħdax-il sena u nofs ġibna n-nasal vaccine.”
Il-Principle General Practitioner taċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana, it-Tabiba Dr Lorraine Tabone tenniet l-importanza li t-tfal jieħdu dan il-vaċċin: “Hija importanti ħafna bħalissa għax it-tfal huma dik il-parti tal-popolazzjoni li ma jistgħux jieħdu l-vaċċin tal-COVID. Minħabba li għaddejjin minn pandemija importanti li nipproteġu kontra l-influwenza wkoll. Jekk jaħsel li jkollna tfal bil-COVID u influwenza, ovvjament is-sitwazzjoni tkun aktar kumplikata.”
Il-ġenituri tat-tfal li jkunu sejrin għall-vaċċin, għandhom jieħdu l-ktieb li jirreġistra t-tilqim li jkunu ħadu, magħruf bħala l-Baby Book.