Numru ta’ studenti li l-etajiet tagħhom ivarjaw bejn id-disa’ u t-13-il sena, semmgħu leħinhom dwar numru ta’ suġġetti u affarijiet relatati mal-kultura u l-arti.
Dan għamluh waqt laqgħa ta’ diskussjoni mal-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, bil-għan li jinġabru diversi ideat u suġġerimenti filwaqt li jiżdied l-għarfien dwar ix-xewqat tal-istudenti fejn tidħol il-kultura.
Fost il-punti li ssemmew f’din il-laqgħa kien hemm dawk dwar il-bżonn li jkomplu jissaħħu t-tradizzjonijiet u l-identità Maltija, kif ukoll il-bżonn li nifhmu aħjar l-aspetti differenti li toffri l-kultura minnha nnifisha.
Il-Ministru Bonnici saħaq dwar l-importanza li jingħata leħen u spazju lit-tfal biex jesprimu dak li jaħsbu. Huwa sostna l-importanza li l-poplu adult jagħraf il-ħtieġa li tingħata l-prijorità misħoqqa lill-ħsibijiet tal-ġenerazzjoni li tiela’.
Il-Ministru Bonnici temm jgħid li l-ministeru tiegħu se jkompli jisma’ l-ideat tat-tfal, anke għax huwa kruċjali li, minn età żgħira, jkunu viċin il-kultura u l-arti.