It-tradizzjonijiet marbuta mal-purċissjoni ta’ Kristu Rxoxt ma jintemmux biss mal-purċissjonijiet tradizzjonali, iżda jmorru lil hinn minn hekk.
Fil-fatt, qabel jintlaħaq dan il-qofol, it-tfal ukoll ikunu protagonisti hekk kif waqt il-purċissjoni li ttellgħet f’Ħal Qormi ġabu l-figolli jew il-bajd tal-għid magħhom sabiex jitbierku mill-Arċipriet tal-Parroċċa, il-Kanonku Mario Mangion.
Fil-fatt, qabel ma’ waslet il-purċissjoni quddiem il-Knisja ddedikata lil Madonna tal-Vitorja, kienu għexieren it-tfal li, akkumpanjati mal-ġenituri tagħhom, kienu qed jistennew bil-ħerqa t-tberik.
Hekk kif tkellimna ma’ wħud li kienu qegħdin jistennew, ilkoll qalulna li ġew għat-tberik filwaqt li jsegwu t-tradizzjoni Maltija tal-purċissjoni ta’ Kristu Rxoxt.
Ftit tal-ħin wara li dawn it-tfal tkellmu mal-crew ta’ ONE NEWS il-purċissjoni akkumpanjata bid-daqq tal-baned, waqfet biswit din il-knisja.
Hemmhekk, l-Arċipriet bierek lil dawk preżenti, bħala parti miċ-ċelebrazzjoni tal-qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristu.