L-istudenti fl-iskejjel f’Malta u Għawdex qed jiġu mistiedna mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, jiddisinjaw kartolina tal-Milied b’messaġġ biex imbagħad jintgħażlu l-kartolini uffiċjali li se jkun qed jibgħat l-Uffiċċju tal-Prim Ministru bħala awguri għall-festi.
Mart il-Prim Ministru, Dr Lydia Abela ħeġġet lit-tfal bejn l-erba’ u t-tnax-il sena biex jipparteċipaw. Sostniet li “rridu ninvolvu kemm jista’ jkun tfal f’dan il-ġest tant sabiħ li jġib il-ferħ.”
Kull skola parteċipi se tkun qed tagħżel hi żewġ kartolini b’disinn u messaġġ minn kategoriji ta’ etajiet differenti, imbagħad bord tal-għażla mmexxi mill-Kunsill Malti għall-Arti se jagħżel il-kartolini uffiċjali għal dan il-Milied minn fost is-sottomissjonijiet mill-iskejjel. Għar-rebbieħa hemm premjijiet bħal riżorsi għall-arti, biljetti għall-festival ta’ Żigużajg u l-istaġun 2023/2024 ta’ Spazju Kreattiv.
Is-sottomissjonijiet tal-kartolini quddiem il-Kunsill Malti għall-Arti mbagħad se jiġu esebiti fi Spazju Kreattiv.
Is-sottomissjonijiet mill-iskejjel iridu jintbagħtu għand il-Kunsill Malti għall-Arti sal-1 ta’ Diċembru u skont kriterji mibgħuta lill-iskejjel.