Daħal fit-tielet sena tiegħu Trikki Trakki – festival li jagħti opportunità lill-istudenti jiżvilluppaw l-kreattività u t-talenti tagħhom filwaqt li jaħdmu mal-aqwa għalliema u diretturi fis-settur, li flimkien magħhom itellgħu produzzjonijiet ġodda ta’ drammi klassiċi popolari.
Dan jippermettilhom li jmissu mad-dinja tax-xogħol fid-dinja tat-teatru.
Intant il-Ħadd wara nofsinhar fil-preżenza tal-Ministri Owen Bonnici u José Herrera, l-istudenti ngħataw ċertifikat u ritratt ta’ tifkira bħala rikonoxximent ta’ ħidmiethom.
Fost dawk li pparteċipaw kien hemm studenti mill-iskola St Michael, San Anton, tal-Ħandaq, il-Kulleġġ Santa Tereża, il-Kulleġġ St Albert u l-iskola Malta Visual and Performing Arts.
Iż-żewġ Ministri qalu li t-teatru jagħti mhux biss il-kunfidenza biex tirreċta quddiem il-pubbliku imma l-kunfidenza biex taffaċċja l-ħajja, u saħqu li inizzjattivi bħal dawn jinkoraġixxu biex it-teatru jkun parti integrali mill-kultura Maltija.